Barranin

Il-qattiel ta’ 9 persuni fi knisja f’South Carolina jingħata l-piena kapitali

qattiel

Il-ġurija fil-ġuri ta’ Dylann Roof, żagħżugħ Amerikan ta’ 22 sena, li fl-2015 qatel 9 persuni suwed meta fetaħ in-nar fi knisja f’Charleston, South Carolina, iddeċiedew li għandu jingħata l-piena kapitali. Roof instab ħati ta’ 33 akkużi federali x-xahar li għadda, fosthom reati ta’ mibegħda. Dan wara li nstab ħati li wettaq l-attakk minħabba razziżmu.

Fil-qorti Roof qatt ma skuża ruħu talli wettaq dan il-massakru u qal li ħass li kellu jwettaq l-attakk. Jindirizza lill-ġuri fil-qorti nhar it-Tlieta, huwa qalilhom li ma jistax jara x’ġid jista’ joħroġ jekk ma joqtluhx. Il-ġurija damu mat-tliet sigħat jiddeliberaw qabel ma waslu għad-deċiżjoni li Roof għandu jingħata l-piena tal-mewt. Madankollu wara li ngħata s-sentenza, Roof qam bilwieqfa u qal lill-Qorti li jrid jerġa’ jgħaddi ġuri wara li jagħżel avukati ġodda. L-Imħallef qallu li ma jagħtihx parir li jagħmel dan u ssuġġerielu jorqod fuqha u jerġa’ jaħsibha. Il-Qorti għandha tagħti s-sentenza finali l-Erbgħa filgħodu.