Lokali

Il-Qorti tipproponi ċentru fil-komunità minflok ħabs għall-vittmi tad-droga

F’seduta li matulha żewġ żgħażagħ intbagħtu l-ħabs fuq reati marbuta mad-droga, il-Qorti pproponiet li jitwaqqaf ċentru fil-komunità li jilqa’ fih lil dawk li jkunu qed jipprovaw joħorġu minn dan il-vizzju.

Josef Cefai u żagħżugħ ieħor li ismu ma jistax jixxandar peress li kien taħt l-età meta seħħ il-każ, kienu nqabdu fil-Munxar Għawdex fil-pusess tad-droga ecstasy f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom. Iż-żagħżugħ minorenni kien akkużat ukoll li fiż-Żebbuġ kellu fil-pussess tiegħu tajra protetta.

Cefai kien ikkundannat disa’ xhur ħabs u multa ta’ €1,500, filwaqt li ż-żagħżugħ l-ieħor kien ikkundannat sitt xhur ħabs u multa ta’ €1,000.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, ikkunsidrat li ż-żewġ żgħażagħ kienu ammettew kmieni, iżda l-proċeduri kontrihom damu għaddejin disa’ snin. Ikkunsidrat ukoll li dawn kienu wkoll vittmi tad-droga iżda llum kellhom ħajja stabbli u kienu ħielsa mill-vizzju tad-droga.

Filwaqt li tenniet l-importanza li dawn il-każijiet jinqatgħu malajr, il-Qorti pproponiet li jitwaqqaf ċentru fil-komunità, forma ta’ half-way house, li tkun “alternattiva għall-priġunerija.”

Il-Qorti qalet li għandu jkun hemm ċentru ta’ matul il-jum li fih ikunu jistgħu jmorru l-addicts wara li jieħdu l-mistura, minflok imorru d-dar jew joqgħodu jiġġerrew fit-toroq,  biex iqattgħu l-ġurnata ‘l bogħod mit-tentazzjoni tad-droga u r-reati li ġġib magħha. Dan il-post ikun joffri ikel u attivitajiet, kif ukoll l-għajnuna ta’ professjonisti.