Lokali

Illiberat wara li ħafritlu

Domestic violence

Salvatore Tabone ta’ 46 sena ma nstabx ħati li ta xebgħa u darab gravi lis-sieħba tiegħu wara li l-mara għażlet li taħfirlu u ma tixhidx kontrih.

L-Ispettur Maurice Curmi akkuża lil Tabone li f’Ottubru li għadda darab gravi lil J. Cauchi ta’ 44 sena fi Triq it-Turisti f’San Pawl il-Baħar hekk kif iċċertifikat minn tabiba miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke qalet li l-uniku xhud li kellha l-prosekuzzjoni kienet is-Sinjura Cauchi li minbarra li ħafret lill-imputat, irrinunzjat għal azzjoni kriminali u għażlet li ma tiddeponiex anke minħabba l-possibilità li tinkrimina lilha nnifisha.

Fiċ-ċirkostanzi u fin-nuqqas ta’ provi, il-Qorti qalet li m’għandha l-ebda għażla ħlif li tillibera lill-imputat minn kull akkużi li nġiebu kontrih.