Lokali

Inawgurat xogħol ta’ tisbiħ ta’ €64,000 f’sala tad-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa

Fid-dar tal-anzjani fl-Imtarfa, ġiet inawgurata sala wara xogħol estensiv biex ġiet irranġata għal 24 anzjana li għandhom livell għoli ta’ dipendenza. Barra li jissewwew il-ħsarat li minħabba fihom ma kinitx baqgħet tintuża, is-sala ġiet attrezzat b’mod li tkun aktar sigura għall-anzjani. Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li dan sar skont l-istandards il-ġodda li ser jiddaħħlu għad-djar tal-anzjani.

Fid-dar tal-anzjani fl-Imtarfa ser terġa’ tibda tintuża sala għal 24 anzjan b’dipendenza għolja wara li matul is-sena li għaddiet sar xogħol estensiv biex din tkun tista’ tintuża. Is-sala kienet ingħalqet minħabba problemi serji ta’ sistemi ma jiffunzjonawx fosthom tad-drenaġġ, sinkijiet u fis-sistema tal-ossiġenu għall-anzjani li jkollhom bżonn għajnuna fin-nifs.

Fl-inawgurazzjoni ta’ din is-sala, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li l-ispiża tax-xogħol laħqet l-€64,000 u ġew iffrankati eluf ta’ ewro minħabba li x-xogħol sar mill-ħaddiema tal-Gvern. Dr Caruana qalet li fl-istess dar se jsir proġett ieħor b’sala oħra għal pazjenti bil-kundizzjoni tad-dimensja.

Id-Direttur għad-djar tal-anzjani Patrick Vella qal li issa din is-sala ġiet mgħammra b’tagħmir modern, bħal sinkjiet, pajps ġodda, sistemi ġodda ta’ ossiġenu biex dawn l-anzjani li għandhom bżonn kura u attenzjoni l-ħin kollu, jkunu komdi.

Is-Sur Vella qal, “Id-diffikultajiet kienu li ridt nara fejn se jiġu akkomodati l-anzjani li kien hawn f’post ieħor, tinsiex anzjan li jiġi jgħix ġo dar din hija daru.”

Fost ir-resident fid-dar tal-Imtarfa hemm Giovanna Galea ta’ 67 sena li llum qed iduwru biha kif hija kienet idur bl-anzjan f’dar tal-anzjani tal-Knisja.

“Kont naħdem Sawra home. Kien ili disa’ snin. Hekk anzjani, hekk nara xi bżonn ikollhom, intuhom it-te…,” qalet Giovanna Galea.

Fid-dar tal-anzjani fl-Imtarfa hemm 123 anzjan, fosthom koppji anzjani u anki residenti li huma aħwa.