Lokali

Inawgurata sistema ta’ trattament tal-ilma f’Helen Keller fil-Qrendi

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca inawgurat is-sistema ta’ trattament tal-ilma użat magħrufa bħala ‘grey-water’ fiċ-ċentru ta’ riżorsi Helen Keller fil-Qrendi. Fi kliemha din is-sistema żiedet livell ieħor fil-benefiċċji tal-ħidma li ssir f’dan iċ-ċentru fejn jattendu studenti li għandhom diżabbiltà.

Hija qalet li permezz ta’ din is-sistema se jonqsu l-ispejjeż għall-volum ta’ ilma użat fost oħrajn għall-jacuzzi fiċ-ċentru, li tintuża’ għat-terapija tat-tfal u żgħażagħ f’dan iċ-ċentru. Il-President qalet li l-‘grey-water treatment’ hu eżempju eċċellenti tal-konservazzjoni tal-ilma, li jilħaq il-miri ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda.

L-istallazzjoni ta’ din is-sistema fiċ-ċentru Helen Keller hija parti mill-programm Alter Aqua li tnieda ħames snin ilu mill-Fondazzjoni Coca-Cola bil-għan li jippromwovi l-użu mhux konvenzjonali tal-ilma.