Lokali

Ippubblikat wara 250 sena l-ewwel volum tad-dizzjunarju ta’ De Soldanis

Wieħed mill-erba’ volumi tad-dizzjunarju tal-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis, x’aktarx l-ewwel dizzjunarju bil-Malti, ġie ppubblikat għall-ewwel darba wara 250 sena bis-saħħa tar-riċerka u traskrzzjoni mill-manuskritt oriġinali li jinsab arkivat fil-Biblijoteka.

Id-Damma, kif jismu d-dizzjunarju,  beda jinkiteb madwar l-1750 u aktarx tlesta madwar 17-il sena wara u jitfa’ dawl fuq il-ħajja soċjali tal-Maltin f’nofs is-seklu 18. L-ekkleżjastiku ma ppubblikax ix-xogħol tiegħu u baqa’ manuskritt għal iżjed minn żewġ sekli.

Tmien snin ilu, żewġ studenti tal-Malti fl-Università, Rosabelle Carabott u Joanne Trevesin għażlu li għat-teżi tagħhom jittraskrivu fedelment l-ewwel minn erba’ volumi tad-Damma. Minn hemm bdiet it-triq biex isir dak li m’għamilx Agius De Soldanis f’nofs is-seklu 18.

L-editriċi tal-verżjoni moderna, Rosabelle Carabott, spjegat li dan ix-xogħol jiskopri ħwejjeġ li llum ma ssibhomx f’dizzjunarju.

“Id-dizzjunarju jitfa’ dawl qawwi fuq il-ħajja soċjali. Il-bdiewa, li ma kellhomx dħul kbir l-anqas kienu jaffordjaw jixtru l-bżar, allura kienu jixtruh frisk inixxfuh fil-forn imbagħad jitħnuh.”

Id-damma fiha bosta kliem u tradizzjonijiet li ntilfu, kif ukoll tagħrif dwar l-ikel, il-ħlewwiet, il-ħwejjeġ tar-raħlin u tal-beltin, l-istrumenti mużikali, il-leġġendi u l-logħob tat-tfal.

“Dan ħallieh manuskritt jiġifieri b’mod miktub, ikkoreġut, kliem maqtugħ, ibiddel partijiet m’oħrajn. It-test ridna nippreżentawh b’mod u manjiera li jkun għadu jirrifletti dak li ried De Soldanis 250 sena ilu,” qalilna l-fotografu u disinjatur, Daniel Cilia.

Dan id-dizzjunarju ta’ aktar minn elf paġna, għandu tifsira bit-Taljan ta’ kliem Malti bl-awtur jagħti wkoll il-kelma Maltija bil-Latin.

Aguis De Soldanis kien kittieb tajjeb tant li kif jgħid l-istoriku William Zammit, ħalla wkoll deskrizzjoni tiegħu nnifsu meta r-ritratti kienu għadhom ma jeżistux.

“Waqt waħda mir-riċerki li kont qed nagħmel insib żewġ dokumenti li niddeskrivihom bħala passaporti – ċertifikati li dan il-bniedem jista’ jivvjaġġa. F’wieħed minnhom għandna deskrizzjoni fiżika tal-persuna. Id-deskrizzjoni tgħid li dan il-bniedem huwa pjuttost qasir, ta’ statura medjokri, xagħar qastni u għajnejn ċari,” qal William Zammit.

Agius De Soldanis ħalla l-manuskritti lill-Biblijoteka għax bħala biblijotekarju kien jaf li b’hekk xogħlu ma jintilifx.