Lokali

Ir-restawr tat-Torri l-Abjad se jinkludi żewġ dormitorji

Beda l-proġett ta’ restawr tat-Torri l-Abjad fil-Mellieħa, li għadda f’idejn Din l-Art Ħelwa li fiha se tkun qed twettaq proġett edukattiv.

It-twaqqigħ ta’ xi kmamar li nbnew fit-tmeninijiet għal skop residenzjali u li nstab li m’għandhom l-ebda valur storiku, immarka l-bidu tal-proġett ta’ restawr tat-Torri l-Abjad fil-Mellieħa mill-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa. Kien lejn tmien l-2016 li l-kunsill lokali tal-Mellieħa għadda din il-binja storika lil Din l-Art Ħelwa li se tirrestawraha b’investiment ta’ ‘l fuq minn tlett mitt elf ewro bil-ħsieb li l-proġett tlestih fi żmien tliet snin.

Mibni fl-1658 mill-Gran Mastru Martin de Redin bħala wieħed mit-13-il torri għall-ħarsien tal-kosta, it-Torri l-Abjad fil-Mellieħa kien jixbah lit-Torri tal-Għallis. Iżda fl-1715, inbniet ‘block house’ ta’ sular fejn is-suldati kienu jaħżnu l-munizjon għall-kanuni. It-torri huwa ċċirkondat b’foss biex jagħmilha aktar diffiċli għall-għadu li jirbħu.

“Meta ġew l-Ingliżi dan it-torri xorta baqa’ jintuża, kien sar training centre, għall-baħrin Ingliżi fejn kienu jiġu jitrenjati dwar l-użu tal-hydrophone. Kienet sistema avvanzata għal dak iż-żmien, qed nitkellmu aktar minn 100 sena ilu fejn kienu jdaħħlu microphones fl-ilma biex ikunu jafu jekk hux ġejjin xi vapuri lejn il-kosta ta’ Malta,” qal Martin Vella, kordinatur tal-proġett.

Il-President ta’ Din l-Art Ħelwa, Maria Grazia Cassar, qalet li fil-proġett ser isiru żewġ dormitorji fit-torri, wieħed għan-nisa u l-ieħor għall-irġiel. Dan sabiex studenti u viżitaturi jkunu jistgħu jagħmlu esperjenza dwar il-ħajja fit-torri u n-natura. Qalet li t-torri se jkun aċċessibbli għal min juża siġġu tar-roti u ser ikollu faċilitajiet għal attivitajiet edukattivi.

“Isfel se jkun hemm interactive multimedia display b’ħafna informazzjoni fuq l-ambjent, marine coastal environment, fuq il-flora u fauna tal-post, fuq il-coastal defences li għandna, fuq Din l-Arti Ħelwa wkoll. Se jkun hemm video room fejn se nuru filmati ta’ taħt il-baħar,” qalet Cassar.

Żiedet tgħid li gruppi bħal dawk tal-astronomija se jkunu jistgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet mit-terrazin tat-torri f’ambjent li għadu verġni. Il-proġett se jsir bl-għajnuna ta’ diversi sponsors li qed jassistu lil Din l-Art Ħelwa.