Lokali

Mangion jirrifjuta li jixhed kontra l-akkużat li allegatament għenu jaħbi l-katavru

Andrew Mangion akkużat bil-qtil ta’ martu Eleanor Mangion Walker illum irrifjuta li jixhed kontra l-persuna akkużata li għenitu jaħbi l-katavru f’maħżen f’Ħal Qormi. Mangion irrifjuta li jitkellem bħala xhieda fil-kumpilazzjoni kontra Kristyan Zekic li bdiet dalgħodu.

Meta Mangion intalab jitla’ jixhed beda jgħid lill-Qorti li ma kienx lest iwieġeb kull tip ta’ mistqosijia. Għal dan il-Maġistrat wieġeb li mhuwiex hemm biex jagħtih il-pariri, imma biex jipproteġi d-drittijiet u jimxi mal-liġi. Fakkar lil Mangion li għandu dritt ma jweġibx imma talbu biex jiddeċiedi x’se jagħmel, b’Mangion iwieġeb li ma jridx iwieġeb.

Zekic li llum kellu jidher il-Qorti mingħajr l-avukat ewlieni tiegħu, għaliex dan kien maqbud b’xogħol f’Għawdex, qed ikun akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ kawża oħra.

Fost ix-xhieda fil-Qorti dalgħodu kien hemm l-esperti forensiċi Marie Therese Camilleri u Safraz Ali li qalu li mill-awtopsja kkonfermaw li Mangion Walker mietet minħabba li nġemgħalha d-demm f’rasha wara li nkisrilha l-kranju u kellha qsim fil-moħħ. Dr Camilleri spjegat li dan il-qsim u ksur kien riżultat tal-fatt li Mangion Walker qalgħat daqqa ta’ oġġett mingħajr ponta f’rasha.

Fil-Qorti nqala’ battibekk sħiħ hekk kif l-avukati difensuri bdew jgħidu li l-il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Keith Arnaud qed tipprova ittawwal iż-żmien f’dan il-każ. L-avukati Giannella De Marco u Stephen Tonna Lowell qalu li l-Prosekuzzjoni ressqet xhieda għalxejn bħall-esperti forensiċi. Qalu li la d-difiża kienet diġà qablet li Mangion Walker mietet minħabba reat kriminali, ma kienx hemm bżonn li l-esperti forensiċi joqgħod jagħtu spjegazzjoni ta’ kif inqatlet. Meta tressaq uffiċjal ta’ Identity Malta biex jixhed, id-difiża qalet li Zekic ilu sitt xhur arrestat u s’issa il-Prosekuzzjoni għadha qed tipprova tikkonferma l-identità tiegħu, meta dan jista’ jeħel piena ta’ massimu sena ħabs. Id-difiża reġgħet qarrset wiċċha meta numru ta’ pulizija li kellhom jixhdu llum ma dehrux quddiem il-Qorti. Dan minħabba li kienu xogħol fuq l-avvenimenti tal-Presidenza.

Fil-Qorti kellhom jixhdu wkoll omm Mangion Walker, Josephine Mangion u Grezzju Micallef, iżda l-Prosekuzzjoni ddeċidiet li ma tressaqhomx bħala xhieda, bil-Qorti tiskuża ruħha max-xhieda.

Min-naħa tiegħu l-Ispettur Arnaud qal li x-xhieda li qed iressaq huma rilevanti, speċjalment minħabba li wħud minnhom sabu traċċi tad-DNA ta’ Zekic fil-post fejn seħħ ir-reat. Għal dan il-Maġistrat Ian Farrugia wieġbu li jrid jressaq ix-xhieda kollha fis-seduta li jmiss għaliex mhux se jingħata opportunità oħra biex jippreżenta evidenza.