Lokali

Isle of MTV Malta jista’ jkun opportunità tad-deheb għall-kantanta RAYE

Ninsabu għaxart ijiem ‘il bogħod mill-ispettaklu organizzat mill-kumpanija MTV flimkien mal-Awtorità tat-Turiżmu li jibdel il-Fosos tal-Floriana f’arena ta’ ċelebrazzjoni mużikali.

L-ispettaklu fuq il-Fosos tal-Floriana jumejn qabel l-Imnarja mistenni jkompli jibni fuq il-passi tal-għaxar edizzjonijiet precedenti tal-Isle of MTV, b’ċelebrazzjoni ta’ mużika minn artisti li jinsabu fil-quċċata ta’ klassifiċi ta’ mużika kontemporanja madwar id-dinja.

RAYE se tiftaħ l-ispettaklu. Minkejja li m’hix l-aktar artista magħrufa fuq il-lista, il-kantanta Ingliża li din is-sena tagħlaq 20 sena fl-aħħar xhur ikkollaborat ma diversi artisti fosthom Jonas Blue fil-kanzunetta ‘By Your Side’ . . . b’din il-kollaborazzjoni mistennija tiġi interpretata fuq il-Fosos hekk kif it-tnejn se jkunu Malta.

Id-DJ ta’ Magic Malta Tina Christie qalet li din tistà tkun opportunità li ttella’ lil RAYE fost l-artisti l-aktar stabbiliti fis-snin li ġejjin. “Din il-kantanta mhux daqshekk familjari magħna, bħal ma kienet Lady Gaga, allura se tkun opportunità għalina li se narawha live hemm.”

Jonas Blue, ukoll ibbażat f’Londra, fl-aħħar sentejn poġġa ismu fost l-aktar artisti imfittxija, bid-diski ‘Fast Car’ u ‘Perfect Strangers’ stabilixxew posthom fuq l-istazzjonijiet tar-radju madwar id-dinja.

Il-band Amerikana DNCE is-sena l-oħra kisbet għadd ta’ awards fosthom fl-MTV Video Awards, rikonoxxuta bħala waħda mill-aqwa bands ġodda. Il-kanzunetta li għamilitilhom isem ‘Cake by the Ocean’ tibqa timbru tagħhom.

L-ispettaklu fuq il-Fosos mistenni jingħalaq minn The Chainsmokers. Id-duo kisbu popolarità bid-diska Selfie fl-2014 u fi żmien qasir telgħu sal-quċċata tal-klassifika, tant li s-sena l-oħra żammew l-ewwel post fil-klassifika Billboard Hot 100 għall-12-il ġimgħa konsekuttiva. Il-kollaborazzjoni tagħhom ma Coldplay bid-diska ‘Something Just Like This’ kisret rekord hekk kif semgħuha aktar minn 9 miljun persuna fl-ewwel ġurnata li ħarġet.

“Id-duo The Chainsmokers li se jagħqlu b’DJ set,” qalet Christie. “Din is-sena kienet sena importanti għalihom, kellhom ħafna nominazzjonijiet, fosthom grammy award għal best dance recording.”

L-ispettaklu fuq il-fosos se jkun il-qofol ta’ ġimgħa ta’ attivitajiet mużikali f’diversi stabbilimenti madwar Malta li jattiraw għadd ta’ turisti.