Lokali

It-Tempji ta’ Skorba jinfetħu għall-pubbliku bi prezz imraħħas il-Ħadd

It-Tempji ta Skorba fiż-Żebbiegħ se jinfetħu għall-pubbliku bi prezz imraħħas l-Ħadd li ġej. Heritage Malta qalet fi stqarrija li t-Tempji se jinfetħu għall-attività Frott il-bidwi Mġarri. Sostniet li s-sit fejn jinsabu dawn it-tempji joffru xeni mill-isbaħ tal-ambjent rurali u jfakkru lill-viżitatur fl-ambjent li kienu imdawrin bih dawn it-tempji.

Fl-istqarrija ntqal li Skorba kien l-ewwel sit megalitiku li fih intużat teknika moderna għall-iskavar. Kienu ġew identifikati numru ta’ oġġetti arkeoloġiċi minn fażijiet differenti tal-preistorja Maltija. Skorba, flimkien ma’ ħames tempji megalitiċi oħrajn, huwa nkluż ukoll fil-lista tal-wirt kulturali dinji tal-UNESCO. Skorba huwa magħruf għall-eqdem struttura u l-aktar waħda preservata li kienet tikkonsisti fi tlett ikmamar. Aktar tard inbnew kmamar oħra u niċċa. Wieħed mit-tempji ntuża wkoll fil-fażi bikrija fiż-żmien il-Bronż meta ġew miżjuda strutturi oħrajn fil-kamra ta’ ġewwa.

Heritage Malta qalet ukoll li waqt l-attività ‘Frott il-bidwi Mġarri’, se tiftaħ dan is-sit għall-pubbliku bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar għall-prezz imraħħas ta’ €3.00. Se jsiru wkoll żjajjar bi gwida. Dawn se jsiru kull siegħa kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. L-ewwel żjara bi gwida se ssir fid-9.30am u se tkun bl-Ingliż. Bil-għan li l-viżitatur jesplora bl-aħjar mod dan is-sit, kull żjara bi gwida se tkun miftuħa għal grupp ta’ madwar 25 persuna. Il-biljetti jistgħu jinxtraw dakinhar mit-Tempji ta’ Skorba. Aktar tagħrif dwar attivitajiet organizzati minn Heritage Malta jinkiseb mill-website tal-aġenzija, www.heritagemalta.org.