Lokali

Jgħid li seraq biex jibgħat il-flus lil qrabatu fil-Libja

qorti 6

Ans Ghodban, żagħżugħ barrani ta’ 21 sena li joqgħod Birżebbuġa nżamm arrestat wara li ċaħad li seraq kartiera tax-xufier li kien f’karozza pparkjata lbieraħ.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Nikolai Sant akkuża lil Ghodban li għall-ħabta tat-2.40 tal-Ħadd filgħodu, saq il-karozza tiegħu fl-inħawi tal-Bajja ta’ San George f’San Ġiljan, mingħajr liċenzja jew polza ta’ assikurazzjoni. Qal li mbagħad madwar siegħa wara l-akkużat mar fuq karozza pparkjata, attakka x-xufier li kien fiha, u minkejja li ma rnexxielux jeħodlu l-iPad għax ix-xufier irreżista, ħadlu l-kartiera. Meta ġie interrogat mill-Pulizija Ghodban qal li familtu fil-Libja kienet qed tagħmillu pressjoni biex jibgħatilhom il-flus.

Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, Ghodban ċaħad l-akkużi u qal li suppost kien l-iskola dak il-ħin mhux il-qorti. L-avukat tal-għajnuna legali Fransina Abela talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni qalet li Ghodban huwa riċediv u jaf lill-vittma. Il-Prosekuzzjoni sostniet li hemm ċans li l-akkużat iwettaq reat ieħor ġaladarba qed issirlu pressjoni minn qrabatu. Kien għalhekk li l-Qorti ordnat li Ghodban jinżamm arrestat.