Lokalimalta

Jiddiskutu f’Malta kif liġijiet ċivili u kummerċjali jistgħu jkunu armonizzati

Aktar minn 100 rappreżentant li jokkupaw karigi fl-ogħla livelli tas-sistemi ġudizzjarji fl-Ewropa qed jattendu konferenza teknika f’Malta bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea. Il-konferenza qed isservi biex ġudikanti, avukati u uffiċjali fil-qasam ġudizzjarju jiddiksutu kif liġijiet ċivili u kummerċjali fil-pajjiżi Ewropej jistgħu jkunu armonizzati u jkun iktar kumplimentari għal xulxin.

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li huwa kruċjali li jkun hemm trattamenti komuni għall-organi leġislattivi differenti li jikkonċernaw każi li għalihom japplikaw l-liġijiet ta’ aktar minn pajjiż wieħed. Qal li dan huwa importanti l-aktar f’każi fil-liġijiet dwar il-familja li jikkonċernaw separazzjonijiet, divorzji u l-kustodja tat-tfal. Huwa qal li f’dawn il-każi, id-drittijiet tat-tfal għandhom ikunu mħarsa u jkunu prijoritazzati u meta hu possibbli, il-proċedura tal-medjazzjoni għandha tintuża minflok il-qrati.