Lokalimalta

Jirdoppjaw il-cruise liners li daħlu f’Malta fl-ewwel tliet xhur tas-sena

Il-cruise liners li daħlu f’Malta fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena rduppjaw meta daħlu Malta 34 cruise liner. Ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika juru li bejn Jannar u Marzu ġew Malta aktar minn 85,000 passiġġier, żieda ta’ kwazi 46,000 turist fuq l-istess tliet xhur tas-sena l-oħra.

Il-Valletta Cruise Port qed jistenna sena oħra rekord ta’ passiġġieri hekk kif fl-istaġun tal-vjaġġi turistiċi fuq il-vapuri jilħaq l-aqwa tiegħu fis-sitt xhur li ġejjin. Huwa stmat li sal-aħħar tas-sena ser ikunu ġew mas-700,000 turist bil-cruise liners u mistennija jhallu fl-ekonomija aktar minn €100 miljun.

Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis spjega li l-maġġoranza tat-turisti li jiġu Malta bil-cruiseliners ma jidħlux fl-istatistika tat-turiżmu minħabba li ma jqattgħux lejl f’Malta. Infatti mill-85,000 passiġġier li ġew fl-ewwel tliet xhur, 344 biss qattgħu lejl f’Malta. Dr Zammit Lewis qal li dan in-numru mistenni jiżdied issa li żewġ kumpaniji tal-vapuri se jagħmlu lil Malta l-homeport taghhom.

“Dak li għandi warajja huwa vapur il-P&O li jagħmel homeporting jiġifieri jibda t-traġitt minn Malta u jispiċċa Malta u għalhekk tinċentiva t-turist biex jiġi għal btala f’pajjiżna iżda mbaghad jaqbad cruise liner”.

Bil-prospetti tajbin li din l-industrija għandha quddiemha, iċ-chairman tal-Valletta Cruise Port Joe Zammit Tabona qal li l-kumpanija ser tkompli tinvesti biex sal-aħħar tas-sena żżid l-irmiġġi għal vapuri kbar.

“Għaldaqstant aħna beħsibna biex nagħmlu estensjoni ta’ Pinto 4 u 5, li huwa investiment ta’ €6 miljun u qed nitkellmu mal-Gvern biex naraw kif nistgħu naghmluha bejnietna”, qal is-Sur Zammit Tabona.

Is-Sur Zammit Tabona żied jgħid li l-akbar kumpanija tal-portijiet fid-dinja li investiet fil-Valletta Cruise Port qiegħda tħares lejn Malta bħal mudell għall-iżvilupp ta’ portijiet simili.

“Dan l-aqwa port u għaldqstant kellna lil Stephen Xuereb li huwa s-CEO tagħna u ġie appunatat is-COO tal-Global Port Holdings kollu u huma li ppruvaw jagħmlu hu li jirreplikaw dak li għandna hawnhekk.”

Is-Sur Zammit Tabona qal li l-Valletta cruise port tinsab f’taħditiet ma’ kumpaniji barranin oħra biex tattira aktar vapuri tal-passiġġieri lejn Malta.