Lokali

Jitlob passi dixxiplinarji kontra ħaddiem tal-WSC li aggredixxa ġurnalist

Il-Ministru Konrad Mizzi ta struzzjonijiet lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jieħdu passi dixxiplinarji dwar impjegat tagħha li kien involut f’inċident mal-ġurnalist Jacob Borg. Il-Ministru għamel dan b’reazzjoni għall-filmat imxandar fuq il-midja soċjali li juri lil persuna taggredixxi lill-ġurnalist waqt li kien qed jistaqsi mistoqsijiet lill-Ministru Konrad Mizzi.

Fi stqarrija ntqal li l-Ministru Mizzi kkundanna l-għaġir ta’ din il-persuna, u qal li membru fis-segretarjat privat tiegħu għamel mill-aħjar biex iferraq dan l-inċident. Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li filwaqt li l-Ministru Konrad Mizzi ma jaqbilx mal-argumenti tal-ġurnalist Jacob Borg, jemmen li l-ġurnalisti għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom. Huwa għalhekk li għalkemm il-ġurnalisti ippressaw, hu qagħad għad-domandi kollha.

Intant aktar kmieni l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna bla ebda riserva l-mod kif ġie aggredit ġurnalist. L-Istitut qal li meta l-ġurnalist jistaqsi jkun biss qed jagħmel xogħlu u li d-drittijiet tal-ġurnalisti qatt u qatt m’għandhom ikunu mittiefsa u mhedda, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista wkoll esprima solidarjetà ma’ Jacob Borg li spiċċa aggredit.