Barranin

Jitwaqqa’ l-ewwel ajruplan militari tas-Sirja mill-koalizzjoni tal-Istati Uniti

Ajruplan militari tal-Gvern Sirjan twaqqa’ għall-ewwel darba minn fighter jet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti. Huwa maħsub li dan kien l-ewwel ajruplan militari li twaqqa’ minn ajruplan militari Amerikan sa mill-kampanja tal-Kosovo fl-1999.

L-SU-22 twaqqa’ l-Ħadd waranofsinhar f’Raqqa mill-F/A-18E Super Hornet, peress li kien qed jitfa’ l-bombi qrib is-Syrian Democratic Forces (SDF), li huma alleati mal-Istati Uniti.

Il-Pentagon qal li militanti favur il-gvern Sirjan kienu attakkaw sezzjonijiet tas-SDF u ħarġuhom ‘il barra minn Ja’Din. L-SDF qegħdin jiġġieldu biex jirbħu lura Raqqa mingħand l-Istat Iżlamiku, iżda jopponu wkoll lill-Gvern Sirjan.

Skont il-Pentagon, il-jets tal-koalizzjoni ppruvaw inaffru lil dawn il-militanti, u anki għamlu kuntatt mar-Russja; l-alleat tas-Sirja, f’tentattiv biex is-sitwazzjoni tkun ikkalmata. Qal, iżda, li ftit sigħat wara l-SU-22 xeħet il-bombi fuq il-pożizzjonijiet tal-SDF, u hemm twaqqa’ immedjatament.

Il-gvern Sirjan ikkundanna dan l-attakk u wissa li se jkollu riperkussjonijiet perikolużi.