Lokali

FILMAT: bidla fl-atmosfera tgħerreq l-Imsida

It-toroq tax-Xatt tal-Imsida kmieni dalgħodu spiċċaw banju wara li l-baħar tela’ l-art. Dan kien ikkawżat minn bidla fl-atmosfera li wasslet għal dak li jissejjaħ il-milgħuba.

Il-Professur Aldo Drogo, mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenza fl-Università ta’ Malta qal lil tvm.com.mt li dan il-fenomenu jiġri spiss, iżda dalgħodu kien iktar qawwi mis-soltu.

b5bee6da-ad3c-493a-bb4f-841b5f13b7dc

Il-proġett għat-taffija tal-għargħar li tlesta dan l-aħħar ma setgħax itaffi l-effett tal-fenominu tan-natura li għerraq it-toroq tax-xatt tal-Imsida mingħajr m’għamlet xita, għaliex il-baħar f’dawn l-inħawi tela’ l-art. Dan ma kienx tsunami iżda sempliċiment dik magħrufa bħala milgħuba.

Il-Professur Aldo Drago, mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenza fl-Università ta’ Malta qal lil tvm.com.mt li għalkemm huwa fenomenu komuni pero mhux dejjem ikun b’saħħtu daqs kemm kien il-Ħamis filgħodu.

“Iċ-ċaqliq kien ilu minn matul il-lejl u kompla wara. Imma l-ikbar ċaqliqa kienet għall-ħabta tas-6.15 ta’ dalgħodu meta innutaw il-baħar fl-Imsida ogħla… Żgur kien hemm iktar minn metru fiċ-ċaqliq tal-livell tal-ilma u għalhekk speċjalment fejn l-art li hija iktar viċin sea level, bħal fl-Imsida, kif jitla’ ftit l-ilma, jgħerraq l-art.”

9f2c2a06-c763-48c6-93a9-1accb3f58af1

Id-Dipartiment tal-Ġeoxjenza għandu strument li jkejjel il-livell u ċ-ċaqliq tal-baħar fil-jott marina ta’ Portomaso. Il-Professur Drago spjega lil tvm.com.mt li dak magħruf bħala l-milgħuba – huwa fenomenu komuni s-sena kollha u bih il-baħar jiċċaqlaq ftit ċentimetri. Qal li meta jkun hemm ċertu kundizzjonijiet atmosferiċi, l-milgħuba tkun b’saħħitha u dan jigri l-iktar f’Mejju u f’Settembru.

“Qisek għandek martell kbir iħabbat fuq il-wiċċ tal-baħar u jikkaġuna l-mewġ ta’ long wavelenghts u meta jaslu lejn l-art jissaħħu iżjed u naraw dan iċ-ċaqliq ta’ baħar jitbaxxa u jogħla fi ftit minuti.”

Fl-2010, kien seħħ l-istess f’Wied il-Għajn meta għerqu għadd ta’ dgħajjes wara li l-ilma baħar tela’ aktar minn sittin metru ‘l gewwa mix-xatt.