Lokali

Il-President tappella għal Unjoni Ewropea tan-nies

doi1101201705

Fl-ewwel laqgħa tal-ġurnata bejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker u l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Prim Ministru Muscat qal li jinsab ottimist dwar il-kwistjonijiet li se jiġu trattati waqt il-Presidenza. Dan minkejja li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja numru ta’ sfidi. Il-Prim Ministru Muscat qal dan waqt li laqgħa lill-President tal-Kummissjoni Ewropea f’Kastilja, waqt iż-żjara tiegħu għall-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa tiegħu il-President Juncker waqt li kkummenta li din hija s-sitt żjara tiegħu f’Malta, qal li huwa konvint li l-Presidenza Maltija se tkun ta’ suċċess, għaliex Malta hija ppreparata biex tilqagħha.

5

Aktar kmieni, fl-ewwel impenn tiegħu f’Malta, il-President Juncker, kellu laqgħa mal-President Marie Louise Coleiro Preca fil-Palazz ta’ San Anton, li appellat għal Unjoni Ewropa għan-nies. Il-President Coleiro Preca qalet li l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hija opportunità biex tissaħħaħ il-viżjoni tal-Ewropa.

doi1101201705

F’laqgħa mal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Kummissjoni Ewropea, il-President Marie-Louise Coleiro Preca ħeġġet għal Unjoni Ewropea iżjed b’saħħitha u li toffri dinjità u paċi liċ-ċittadini tagħha.

Il-President Coleiro Preca appellat għal Unjoni Ewropea b’kuxjenza soċjali u demokratikament b’saħħitha u li tipprijoritizza l-ħtiġijiet tal-indivdwi. Hija qalet li jeħtieġ li tkun indirizzata s-sitwazzjoni ta’ wieħed minn kull erba’ persuni fl-Unjoni Ewropea li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

Il-President qalet li ninsabu fi żmien fejn qed ikun hemm għad ta’ interpretazzjonijiet tal-proġett Ewropew.

“We must remind one another of the important gains we have made in terms of bridges which have been built to unite us, the friendships which have been made across our borders and our solidarity, which we have nurtured in the service of peace,” qalet il-President.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal li Malta għandha tħossha kburija b’dak li qed tagħmel għax hija ppreparata bl-aħjar mod possibbli għall-Presidenza. Qal li minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta għandha ambizzjonijiet kbar.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea esprima qbil mas-sitt prijoritajiet magħżula minn Malta, b’mod partikolari mal-immigrazzjoni. Huwa qal li l-piż li ġġib magħha l-immigrazzjoni m’għandux jaqa’ biss fuq stati membri bħall-Greċja, l-Italja u Malta. Esprima t-tħassib li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni għadu ma ġiex implimentat b’mod sħiħ. Juncker appella lil Malta biex tkompli tibni pontijiet ma’ pajjiżi oħra, inkluż mal-Afrika ta’ Fuq.