Kurżitajiet

Keċċewha għax ħadet l-ikel id-dar u rebħitilhom €43,000

Fil-Kanada, ħaddiema li kienet taħdem ma’ Burger King rebħet kumpens ta’ €43,000 wara li keċċewha mill-impjieg tagħha għax ħadet sandwich tal-ħut, chips u xarba magħha id-dar. Il-każ seħħ l-għada tal-Milied tas-sena 2014.

Fil-qorti, Usha Ram qalet li kien il-manager tagħha li ta l-permess tieħu xi ikel id-dar wara li nsiet tieħu l-portmoni. Meta wieħed inaqqas l-iskont li l-ħaddiema jingħataw fuq l-ikel, il-valur kien ta’ 50¢.

Il-mara ta’ 55 sena, kienet ilha taħdem fi stabbiliment ta’ Burger King f’Vancouver għal dawn l-aħħar 24 sena.

_94682500_hi017425842Is-superjur tagħha, Janif Mohammed, keċċieha mill-impjieg biex iwissi lil ħaddiema oħrajn dwar s-serq ta’ ikel minn fuq il-post tax-xogħol.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Lisa Warren sostniet li l-employers imxew mal-impjegata b’mod inġust u insensittiv. Qalet li l-employers setgħu jqisu li din il-mara kien se jkollha diffikultà biex issib impjieg ieħor minħabba l-età tagħha u l-edukazzjoni limitata li kellha.

Is-Sur Mohammed li ddefenda lilu nnifsu, qal li s-Sinjura Ram kienet impjegata bieżla u mara tajba. It-tnejn kienu ilhom jaħdmu flimkien sa mill-1989.

Meta tkeċċiet mill-impjieg, hija kellha dħul ta’ €21,000 fis-sena. Hija kienet l-uniku waħda li ġġib paga dar minħabba l-fatt li żewġha jbati minn diżabilità fiżika u bintha għandha diżabilità mentali.

Fit-30 ta’ Diċembru hija kienet issejħet fl-uffiċċju tal-manager tagħha Tayyaba Salman u s-Sur Mohammed u akkużawha b’serq. Is-Sinjura Ram bdiet tibki u offriet li tħallas għall-ikel li ħadet, iżda s-Sur Mohammed weġibha biex tmur id-dar. Aktar tard huwa qal lill-Qorti li l-offerta tagħha li tħallas għall-ikel, kienet ammissjoni li serqet.

Il-Qorti sostniet li kieku s-Sur Mohammed ipprova jifhem il-kliem speċifiku li Salman qalet lill-impjegata meta staqsietha jekk setgħetx tieħu l-ikel, jew il-fatt li Ram m’għamlet l-ebda tentattiv biex taħbi dak li kienet qed tagħmel, x’akarx kien jasal għal konklużjoni sempliċi li kien hemm nuqqas ta’ ftehim bejnha u Salman.

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti ordnat lis-sidien ta’ Burger King biex iħallsuha €20,000 f’danni ġenerali jew l-ekwivalenti ta’ sena paga. L-imħallef iddeċidiet ukoll li tikkumpensaha €23,500 għall-ħsara emozzjonali li għaddewha minnha.