Lokali

Kimiċi minn pjanti Mediterranji jtaffu s-sintomi tal-Parkinson’s u l-Alzheimer’s

strikingimage-finalsd

Kimiċi meħuda mill-pjanti tal-bajtar tax-xewk u l-alka l-kannella fil-Mediterran, instabu li jtaffu s-sintomi tal-Alzheimers u l-Parkinsons. Dan ħareġ minn studju li sar minn numru ta’ riċerkaturi, fosthom riċerkaturi Maltin mill-Università ta’ Malta. Fi stqarrija l-Università ta’ Malta qalet li din ir-riċerka hija rivoluzzjonarja għall-mediċina u tista’ twassal biex jinstabu trattamenti għal mard relatat max-xjuħija.

L-Alzheimer’s u l-Parkinson’s huma mard marbuta max-xjuħija li ġeneralment joħroġ meta jkun hemm akkumulazzjoni ta’ proteini li jinġemu fil-ġisem u maż-żmien jagħmlu ħsara lin-nervituri. Għaldaqstant imbagħad jaffettwaw il-mobbiltà u l-memorja ta’ persuna. Dan il-mard joħloq tbatija kbira għall-pazjenti filwaqt li huwa ta’ piż ukoll fuq is-servizzi tas-saħħa. Għalhekk ir-riżultati ta’ din ir-riċerka jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tal-pazjenti jekk tinstab kura għal dan il-mard.

Il-Professur Neville Vassallo li ħadem fuq dan il-proġett qal li r-riċerkaturi bdew l-esperimenti tagħhom fuq il-ħmira. Meta raw riżultati pożittivi, iddeċidew li jipprovaw l-esperiment fuq id-dubien. Id-dubien li kien infettat bil-mard tal-Alzheimer’s u l-Parkinson’s għal dan l-esperiment beda jgħix aktar meta l-kimiċi tal-pjanti ġew użati fuqu. Qal li l-mobbiltà tad-dubbien tjiebet bi 18% wara t-trattament.

Dr Ruben J Cauchi li mexxa dan l-istudju qal li r-riċerkaturi jemmnu li l-iskoperta tal-aġenti bioattivi li jaħdmu fuq kundizzjonijiet newrodeġenerattivi huwa l-aħjar mod kif jistgħu jiġġieldu kundizzjonijiet tal-moħħ. Qal li vantaġġ kbir tal-mediċini użati f’dan l-istudju huwa li huma siguri u diġà qegħdin fuq is-suq. Qal li bħalissa r-riċerkaturi qed jaħdmu mal-Istitut taċ-Ċelloli Farmaloġiċi, u ġaladarba jitlestew il-provi kliniċi, il-Mediterran jista’ jsir sors ta’ kif wieħed jista’ jtejjeb il-ħajja tal-anzjani.