Lokali

Kittieb Palestinjan-Malti jirbaħ il-Premju tal-UE għal-Letteratura

Il-kittieb Palestinjan-Malti Walid Nabhan tħabbar bħala r-rebbieħ tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura 2017. Dan għar-rumanz tiegħu L-Eżodu taċ-Ċikonji.

Fi stqarrija ntqal li ta’ kull sena dan il-premju jingħata lil 12-il kittieb mill-Ewropa b’rikonoxximent tal-produzzjoni letterarja tagħhom fl-aħħar snin. Intqal ukoll li bħalma jiġri kull tliet snin Malta setgħet tagħżel wieħed mir-rebbieħa minn fost il-kittieba Maltin, u din is-sena ntgħażel Walid Nabhan.

Nabhan twieled fil-Ġordan lil familja refuġjata Palestinjana, iżda ilu jgħix Malta għal diversi snin, tant li għandu ċ-ċittadinanza Maltija. Fl-aħħar snin, minbarra li ppubblika żewġ ġabriet ta’ novelli, ktieb ta’ poeżiji, u r-rumanz L-Eżodu taċ-Ċikonji, huwa qaleb ukoll diversi xogħlijiet letterarji kontemporanji Maltin għall-Għarbi.

Fl-istqarrija ntqal ukoll li L-Eżodu taċ-Ċikonji huwa rumanz dwar raġel Palestinjan imwieled f’kamp tar-refuġjati fil-Ġordan li sab ruħu jgħix Malta. In-narratur jinseġ ir-rakkont tiegħu madwar l-esperjenzi tiegħu ta’ barrani f’Malta u ta’ refuġjat f’komunità kbira ta’ Palestinjani fil-Ġordan, imma jdaħħal ukoll l-istorja tal-familja tiegħu fil-perjodu meta kienet għadha tgħix fil-Palestina. Huwa rakkont li jenfasizza r-relazzjonijiet bejn il-bnedmin f’sitwazzjonijiet diffiċli, imma huwa wkoll rakkont politiku għaliex kulma jseħħ fir-rumanz iseħħ għax xi darba xi ħadd bil-poter f’idu ħa deċiżjoni politika, u għaliex deċiżjonijiet politiċi żbaljati li jaffettwaw il-ħajjiet tan-nies għadhom isiru kuljum, fuq kull livell. Waqt li jikteb rumanz serju u impenjattiv, Nabhan iżewwaq in-narrattiva tiegħu b’mumenti liriċi mill-isbaħ u jirnexxilu jsib l-umoriżmu anki fis-sitwazzjonijiet l-aktar imwiegħra.