Lokali

Kull persuna f’Malta tarmi 620 kilo skart fis-sena

L-iskart domestiku ġġenerat mid-djar kompla jiżdied fl-2015. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-2015 dal-iskart żdied bi ftit aktar minn 5% u laħaq kwazi 270,000 tunnellata. Ras għal ras, f’Malta kull persuna tiġġenera 620 kilo skart fis-sena.

L-NSO qal li ż-żieda fl-iskart fl-2015 kienet l-ogħla waħda mill-2011 l’hawn.

Kważi 68% ta’ dan l-iskart inġabar fil-boroż is-suwed waqt li fil-boroż il-griżi u ħodor li fihom jinġabar l-iskart domestiku li jiġi riċiklat inġabar 5.5 tal-iskart, b’total ta’ kważi 15-il elf tunnellata.

Kwazi 93% tal-iskart domestiku spiċċa fil-landfill tal-Għallis waqt li ftit inqas minn 7% biss tal-iskart domestiku ġie riċiklat. Miċ-ċifri miġbura mill-uffiċċju tal-istatistika jidher li l-maġġoranza tal-materjal li ġie riċiklat kien il-kartun u warajh il-ħġieġ.