Lokali

“L-ITS mhux se jagħlaq qabel jitlesta l-kampus ta’ Smart City”

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, Tony Zahra qal li ngħata assigurazzjoni mit-tmexxija tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li l-kampus f’San Ġiljan mhux ser jagħlaq qabel ikun lest il-kampus fil-ġdid fi Smart City. Huwa qal dan b’reazzjoni għal rappurtaġġ li fih intqal li l-ITS irid iħalli l-binja preżenti sas-sajf li ġej.

Is-Sur Zahra saħaq fuq it-taħriġ għal karrieri fl-industrija turistika waqt li wera preokkupazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema Maltin fis-settur.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal, “Din hija challenge li rridu narawk kif se nsolvuha u naħseb li nsolvuha billi jkollna aktar investiment fil-Maltin biex jitħarrġu biex jidħlu fil-hospitality industry.

Il-President tal-MHRA appella lill-awtoritajiet biex jagħtu attenzjoni għal infrastrutturali fil-pajjiż.

“Se jkollna nonfqu biljuni; mhux miljuni biex nagħmluha din u rridu nsibu metodu differenti milli sibna qabel biex niffinanzjawha, qal is-Sur Zahra.

Is-Sur Zahra kien qed jitkellem waqt li l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, ippreżentat ir-riżulta li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet. Meta mqabbel mal-aħħar kwart tal-2015, l-ammont ta’ ljieli li qattgħu t-turisti fil-lukandi żdiedu b’5.9%. Fil-lukandi fil-kategoriji kollha kellhom żieda ta’ aktar minn 5%.

Mill-istħarriġ fost il-lukandiera ħareġ li r-rati li ħallsu t-turisti naqsu bi ftit fil-lukandi tal-erba’ u l-ħames stilel waqt li żdiedu fil-lukandi ta’ tliet stilel. Fir-rapport jingħad li 39% tat-turisti li ġew Malta bejn Ottubru u Diċembru ma qagħdux fil-lukandi iżda f’akkomodazzjoni privata.