Lokali

L-Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien beda jistudja għal tabib

It-tessera ta’ Monsinjur Ġuzeppi Mercieca, bħala student tal-Fakultà tal-Kirurgija u l-Mediċina, fl-Università degli Studi di Roma, instabet dan l-aħħar qalb id-dokumenti personali tiegħu li kienu merfugħin.

Instabet ukoll kopja ta’ ittra bit-timbru tal-Universita’ ta’ Malta li hu kien ippreżenta f’Ruma mal-applikazzjoni biex juri li kien jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa u li seta’ jsewgi l-kors fil-mediċina.

Charles Buttigieg, kollaboratur għal snin twal tal-Arċisqof Mercieca, jgħid li minn dak li kien jgħidlu, kien sar iħoss li kieku Monsinjur Mercieca ma sarx saċerdot, kien isir tabib. Iżda meta ttanta jsaqsih direttament, kien baqa’ b’xiber imnieħer.

Charles Buttigieg, biografu tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca jgħid, “U darba minnhom staqsejtu u għidtlu, ‘Eċċellenza għandi l-impressjoni jien li int kieku ma sirtx saċerdot kont tistudja għal tabib’. Tbissimli. Ma qalli xejn. Imma ħallini bil-ħsieb li naħseb il-possibilità hemm kienet. U l-istorja waqfet hemm.”

Issa hu kkonfermat li snin qabel, Monsinjur Mercieca, kien bdieh il-kors għal tabib. Kien bdieh fl-1971, meta kien diġà saċerdot, avukat u Imħallef ta’ tribunal tal-knisja f’Ruma. Iżda wara ċertu żmien kellu jieqaf minħabba li ma kienx qed jibqagħlu biżżejjed ħin għal kors daqstant impenjattiv.

Fil-fehma ta’ Charles Buttigieg, dawn id-dokumenti jispjegaw aħjar għaliex Monsinjur Mercieca kien jinteressa ruħu ħafna fil-morda.

Buttigieg jgħid, “Il-vjaġġ annwali li hu kien l-aktar jieħu pjaċir jagħmel kull sena kien mal-morda f’Lourdes. Allura jien wasalt ghall-konklużjoni li l-ġibda tiegħu, il-ħajra tiegħu għall-marid ma kenitx ġejja biss minn sens pastorali, ta’ ragħaj saċerdot lejn il-marid, imma min-natura tiegħu stess li kien jixtieq jgħin u jara l-marid ifiq.”

Ir-riċerka l-ġdida u tifkiriet oħra dwar l-Arċisqof b’vokazzjoni sekondarja għal tabib, qed jiġu ppubblikati fil-ktieb “Ragħaj għal kull staġun”, miktub minn Charles Buttigieg, u li qed joħrog f’għeluq is-sena mill-mewt ta’ Monsinjur Mercieca.