Lokalimalta

AĠĠORNAT: jindarab gravi wara li pprova jitfi vann li ħadlu n-nar fil-Ħamrun

Raġel ta’ 59 sena mill-Pietà ndarab gravi wara li dalgħodu sofra xi ħruq waqt li beda jipprova jitfi vann li ħadlu n-nar fil-Ħamrun.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.00 a.m. quddiem il-Knisja tal-Kunċizzjoni fi Triq Manuel Magri meta l-vettura tal-għamla Citroen Berlingo żviluppat nar fuq wara u f’kemm trodd salib, il-vettura saret ħuġġieġa waħda.

Immedjatmanet ix-xufier niżel mill-vann u pprova jitfi n-nar b’barmil ilma. Kien hawn li r-raġel sofra xi ħruq. Huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza u aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Bil-każ ġie informat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farruiga li ħatar bosta esperti biex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ għadhom għaddejjin.