Lokali

Bil-Beatles se jgħinu ġenituri ta’ trabi fl-ITU

B’aktar minn 600 miljun diska mibjugħa madwar id-dinja, fi żmien meta l-kelma internet ma kinitx teżisti, il-Beatles huma meqjusa fost l-aqwa rock bands ta’ influwenza fl-istorja mużikali.

L-Orkestra Filarmonika Maltija, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Qalb it-Tfal, qed tħejji programm mużikali biex tfakkar l-aqwa suċċessi ta’ din il-band leġġendarja.

Hey Jude, Yesterday u Strawbery Fields Forever se jkunu fir-repertorju mużikali li se jindaqq mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali fil-kunċert Symphonic Beatles li se jittella’ f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi x-xahar d-dieħel.

Alan Chircop mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, “Se jkollok taħlita ta’ rock mas-sinfonija. Fil-kunċert se jieħdu sehem l-Amadeus Choir u anki kantanti solisti. Se jkun hemm l-involviment taċ-Children’s Choir u anki rappreżentazzjoni mill-iskejjel kollha.”

Il-kunċert qed isir b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Qalb it-Tfal li tassisti l-NPICU, l-ITU tat-tfal fl-Isptar Mater Die. Il-fondi miġbura mill-kunċert se jintużaw biex jinxtara tagħmir jew tingħata għajnuna psikolġika lill-ġenituri ta’ trabi li jagħmlu żmien twil fl-ITU.

Fost dawn kien hemm Roxanne Perici li qalet lil tvm.com.mt li binha Ben twieled b’piż ta’ ftit iżjed minn kilo u għamel xahar fl-ITU tat-tfal f’inkubatur. Tgħid li kien mument diffiċli għaliha u għal qrabatha u li sabet appoġġ kbir mill-Fondazzjoni Qalb it-Tfal.

Roxanne Perici qalet, “Ikollok ħafna dwejjaq. Meta jkollok it-tifel tiegħek l-isptar, u inti tkun discharged u hu jkun għadu l-isptar, mentalment ma tkunx mija fil-mija. Titkellem man-nies u jagħtuk il-kuraġġ għax ma tkunx qiegħda waħdek.

Roderick Cachia, il-fundatur ta’ Qalb it-Tfal qal li l-Fondazzjoni tgħin ukoll tfal bi problemi soċjali, inkluż xiri ta’ kotba u ikel għal tfal.