Lokali

Logħba ġdida fl-iskejjel se tgħin lit-tfal jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom

Koppja b’impenn fil-qasam soċjali vvintaw logħba għat-tfal li tgħinhom jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom. Bl-appoġġ tal-Ministru tal-edukazzjoni Evarist Bartolo u tal-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli din l-logħba se tinfirex fl-iskejjel kollha waqt il-lezzjonijiet tal-PSCD.

Julian u Joanna San Fournier ilhom 15-il sena jgħinu lil koppji jtejbu r-relazzjonijiet tagħhom. Julian jaħdem bħala medjatur fil-Qorti tal-Familja u martu Joanna hija LSA ma’ tfal b’diżabbiltà. It-tnejn flimkien ivvintaw logħba għat-tfal li tgħinhom jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom meta jkunu qegħdin ma’ sħabhom.

Julian Sant Fournier qal, “Ħdimna flimkien biex ngħinu lit-tfal fi skills għal relazzjoni soda.”

Martu Joanna żiedet tgħid, “Il-cards hija forma ta’ logħba allura t-tfal jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom through a game.”

Fl-iskola primarja ta’ Bormla, għadd ta’ tfal flimkien mal-għalliema tal-PSCD ħaddmu din il-logħba li għenithom jesprimu dak li jħossu meta jdejjaqhom xi ħadd, jew meta jaraw lil xi ħadd minn sħabhom li jkun qed jaffaċċja problema.

 

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qed jagħti appoġġ għal din l-inizjattiva għaliex qal li jemmen li lil hinn mill-istudji akkademiċi, l-iskola għandha trawwem lit-tfal fil-wellbeing tagħhom. Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli wkoll qed tipprovdi l-appoġġ permezz tal-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika għaliex qalet li attivitajiet bħal dawn isaħħu lit-tfal, speċjalment lil dawk li huma f’sitwazzjoni vulernabbli.