Lokali

Luzzijiet, Firilli u Kajjiki taħt lenti ta’ riċerkatur barrani

Dgħajjes Maltin bil-karattru uniku tagħhom huma parti mill-istorja u kultura Maltija li salvaw ż-żminijiet, bil-kuntrarju tal-karozzi tal-linja tradizzjonali Maltin li ċedew posthom ma’ mezzi aktar moderni ta’ vetturi.

Marsaxlokk, ir-raħal tas-sajjieda, kartolina naturali bl-opri tal-baħar imlewna max-xatt.

L-ilwien, it-tiswir u t-tberfil fuq il-Luzzijiet, il-Firilli u l-Kajjiki kienu fost l-aspetti analizzati f’riċerka li saret fil-bidu tas-sebgħinijiet minn Desmond Moris, u li dan l-aħħar ġiet ippubblikata fi ktieb f”The Boats of Malta’.

L-editur ta’ din ir-riċerka, il-Professur Anthony Aquilina, qal li l-istudju janalizza 190 Luzzu, 16-il-Firilla u 194 Kajjik.

Huwa qal, “Joħroġ kemm huma biċċiet awtentiċi li ma ssibhomx x’imkien ieħor; li s-sajjied Malti huwa kreattiv, artistikament avvanzat, kemm f’pajjiż żgħir issib id-differenzi bejn lokal u ieħor imma fl-istess ħin hemm it-timbru individwali tas-sajjied, tal-individwu, tal-bniedem partikolari.

Il-maġġoranza tad-dgħajjes kellhom disinji li joħolqu kombinazzjoni unika ta’ kuluri. B’turija ta’ superstizzjoni, fil-parti msejħa l-mustaċċ fuq in-naħa tal-pruwa bit-tberfil b’forom differenti tal-għajn u l-qrejjen. Disinji oħra jinkludu s-salib ta’ Malta, ħuta, stilla u mill-mitologija Asjatika s-sirena.

Ftit iżjed minn terz tad-dgħajjes kellhom ismijiet ta’ qaddisin, x’aktarx il-patruni tagħhom. Kien hemm oħrajn b’ismijiet ta’ rġiel magħrufa u films jew titli ta’ kotba.

L-istudju jidentifika 18-il parti f’dgħajsa tipika Maltija inkluż il-Falki, l-Iskalmott, it-Tappiera, il-Makkarunetti, il-Mustaċċ u ċ-Ċinta, bir-riċerkatur jagħti l-ismijiet tagħhom kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Fl-1972, is-sena li matulha sar l-istudju, kien hawn mad-950 dgħajsa tas-sajd irreġistrati fil-gżejjer Maltin.