Lokali

Mal-500 investitur Tork investa $1.3 biljun fis-settur finanzjarju u infrastrutturali f’Malta

F’business forum organizzat mill-Kamra Maltija tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-investituri Torok sabu t-tieni dar tagħhom f’Malta li bħat-Turkija hija miftuħa għal kummerċ mad-dinja kollha.

Dr Muscat semma diversi investimenti Torok f’Malta u l-fatt li hemm 13-il titjira diretta fil-ġimgħa bejn Malta u Istanbul li saħħew it-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru qal li hemm potenzjal fis-settur marittimu u fl-edukazzjoni fosthom fit-tagħlim tal-Ingliż bħala lingwa barranija. Huwa qal li dawn il-possibbiltajiet għandhom jiġu żviluppati anke jekk Malta għandha riservi tagħha dwar ir-rispett tas-soċjetà ċivili wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat.

Il-Prim Ministru Tork Binali Yildirim qal li din iż-żjara hija importanti għax timmarka l-50 anniversarju tar-relazzjonijiet bejn Malta u t-Turkija. Huwa faħħar lill-Gvern Malti għat-tkabbir fl-ekonomija u qal li aktar minn 500 investitur Tork investa $1.3 biljun fis-settur finanzjarju u dak infrastrutturali f’Malta.

Qal li anki t-Turkija għandha tkabbir ekonomiku tajjeb għax fl-eqqel tal-kriżi finanzjarja l-pajjiż investa f’seba’ proġetti infrastrutturali kbar fosthom pont għat-trasport tal-ferroviji u tal-karozzi f’Istanbul, il-mina taħt l-art Eurasia li tgħaqqad il-parti Ewropea ta’ Istanbul ma’ dik Asjatika u t-tielet ajruport f’Istanbul.

Żied li l-pajjiż se jkompli jinvesti fis-settur tas-saħħa bil-bini ta’ sptarijiet fi bliet Torok li jvarjaw bejn 1,500 sodda għal 4,000 sodda. Qal li ħafna drabi l-budgets nazzjonali huma żgħar wisq għal proġetti bħal dawn u għalhekk importanti l-ħidma mal-kumpaniji privati.

Il-Prim Ministru tat-Turkija qal li t-turiżmu f’pajjiżu wkoll huwa b’saħħtu għalkemm fl-aħħar xhur il-pajjiż għadda minn żminijiet diffiċli minħabba attakki terroristiċi iżda qal li hu fiduċjuż li jirkupra.

Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona qal li l-ġimgħa d-dieħla f’laqgħa li se jkollu mal-Kummissarju Ewropea responsabbli mill-kummerċ Cecilia Malmström se jiddiskuti r-reviżjoni tal-ftehim dogonalli bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea. Il-Ministru tal-Ekonomija tat-Turkija Nihat Zeybekci qal li reviżjoni ta’ dan il-ftehim huwa meħtieġ għax m’għadux sostenibbli għat-Turkija.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Anton Borg qal li l-qrubija bejn iż-żewġ ekonomiji qiegħda dejjem tikber u semma li l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi jammonta għal €22 miljun f’esportazzjoni minn Malta u €325 miljun f’importazzjoni mit-Turkija.