Lokali

Malta għandha mal-25 arkata naturali simili għat-Tieqa tad-Dwejra

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi qed tħejji ordni ta’ konservazzjoni għad-Dwejra li għandha tħares il-flora u fawna u fl-istess ħin toffri opportunità għall-għaddasa li jinżlu jammiraw il-fdalijiet tagħha taħt l-ilma.

Fil-gżejjer Maltin hawn madwar 25 arkata naturali li ffurmaw matul iż-żminijiet fi proċess ġeologiku u ġeomorfoloġiku – tal-ewwel huwa l-istudju tal-ġebel filwaqt li l-ġeomorfoloġija huwa l-proċess kif jifforma l-pajsaġġ. Dan huwa proċess naturali li jmur id f’id mal-ħafi’ – it-tmermir tal-ġebel minħabba l-baħar u l-mewġ li jaħbat miegħu jew inkella mill-ilma ġieri u mir-riħ.

Daniel Sultana, ġeologu mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, jgħid li t-Tieqa tad-Dwejra li ġġarfet waqt maltempata qawwija fit-8 ta’ Marzu kienet toffri studju ġeoloġiku interessanti.

Daniel Sultana qal, “Dwejra kienet spettakolari għax kbira u interessanti b’mod ġeologiku u ġeomorfologiku, iżda hemm numru ta’ arkati oħra f’Malta u Għawdex, bħal din tal-Blue Grotto – simili tagħha f’ċertu aspetti.

U dawn il-formazzjonijiet ta’ twieqi sibna minnhom anki fl-istess inħawi tal-Blue Grotto bl-isfont ta’ Filfla toffri spettaklu naturali. Mit-tieqa ta’ Wied il-Mielaħ fl-Għarb Għawdex, li donnha saret is-sostitut denju tat-Tieqa tad-Dwejra, sat-tarf l-ieħor ta’ Malta dawn il-formazzjonijiet ma jonqsux b’uħud minnhom imgeddsa mal-baħar u oħrajn li tista’ tammirhom wara xi passiġġata twila mal-blat.

Il-fdalijiet tat-Tieqa tad-Dwejra issa jinsabu fis-skiet taħt l-ilma u għadhom popolari mod ieħor għaliex qed jiġbdu l-attenzjoni ta’ ħafna għaddasa li sabu teżor taħt l-ilma.

“Bħalissa l-ERA qed tikteb Emergency Conservation Order bil-għan li tikkrea żona ta’ biodiversità fejn l-ispeċi ta’ flora u fawna jiġu mħarsa u protetti u anki biex dan is-sit jintuża aktar għad-diving, imma din l-ordni tindirizza wkoll is-safety u l-protezzjoni tal-flora u fawna u għall-ħarsien tal-pubbliku inġenerali.

Kemm l-ERA kif ukoll Transport Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, wara li waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra kienu wissew biex baħħara, għaddasa u għawwiema jevitaw iż-żona sakemm isiru l-ispezzjonijiet u l-istħarriġ meħtieġa biex ikun żgurat li m’hemm riskju għal ħadd.