Lokalimalta

“Malta kisbet ħiliet organizzattivi li m’għandhomx jintilfu”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li 11-il jum biss bogħod mit-tmiem tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Malta tista’ tgħid li kisbet rispett mill-istituzzjonijiet Ewropej u kisbet ħiliet organizzattivi li m’għandhomx jintilfu wara dawn is-sitt xhur tal-Presidenza. Huwa qal li Malta kisbet anke rekord fl-għadd ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-Presidenza taħt il-Kummissjoni Juncker.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat żamm mal-prassi tal-leġislatura li għaddiet u ltaqa’ mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC qabel imur għal l-aħħar summit fi Brussell qabel tintemm il-Presidenza Maltija. Huwa ddiskuta mar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali l-pożizzjonijiet li ser tieħu Malta dwar it-temi li ser ikunu diskussi fosthom il-Brexit, is-sigurtà, l-impjiegi u l-immigrazzjoni.

Dwar il-Brexit, Dr Muscat qal li huwa diffiċli li f’qasir żmien tinstab soluzzjoni li tkun l-aħjar għal kulħadd anke jekk iż-żewġ naħat daħlu għal dawn in-negozjati b’rieda tajba. Il-Prim Ministru qal li tul is-sitt xhur tal-Presidenza, Malta kisbet rispett mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-amministrazzjoni pubblika kisbet ħiliet ġodda.

“Jiena infurmat li f’ċertu strutturi aħna l-iktar Presidenza li kkonkludejna u wasalna għal deċiżjonijiet matul it-terminu tal-Kummissjoni Juncker. Imma apparti minn hekk li nixtieq nara huwa li n-nies li ħarriġna u n-nies li għandhom kuntatt ma’ persuni oħra fuq livell Ewropew ma jintilifx imma dan in-networking jibqa’ għall-pajjiż.”

Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb qal li ġimagħtejn ilu l-MEUSAC saret aġenzija u se ġġedded l-istrutturi tagħha biex tkompli tkun ta’ servizz għas-soċjetà anke f’dawk li huma fondi mill-Unjoni Ewropea għall-għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

Meta wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru tenna li Malta taqbel mir-regoli Ewropej kontra l-evażjoni tat-taxxa iżda trid li l-kompetitenza fil-qasam tat-taxxa tibqa’ f’idejn il-gvernijiet. Qal li Malta tibqa’ tiddefendi l-prinċipju li m’għandu jsir xejn li jnaqqas l-element ġust tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa. Dwar l-MFSA, Dr Muscat qal li din għamlet xogħol tajjeb ħafna u l-Gvern se jkompli jsaħħaħha fil-kuntest tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar ir-regolaturi fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Mistoqsi dwar transfer allegatament politiċi, il-Prim Ministru sostna li hemm l-esiġenzi tas-servizz iżda jekk xi ħadd jaħseb li saru transfers politiċi jista’ jmur għand l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet kollha u jkun jista’ jieħu dak li ħaqqu.
Dwar il-bordijiet tal-kumpaniji u aġenziji tal-Gvern, Dr Muscat qal li mhux qed jara li hemm lok ta’ bidliet f’dan il-mument. Dr Muscat qal li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari se jaraw is-sitwazzjoni u fejn hemm bidliet isiru bi trankwillità.