Lokali

Malta tadotta sistema li tgħin fit-tfittxija ta’ tfal irrapportati nieqsa

It-tfittxija għal tfal li jiġu rrappurtati nieqsa u li jistgħu jkunu fil-periklu għal ħajjithom kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi Ewropew ser tissaħħaħ permezz tal-Amber Alert li kienet bdiet fl-Istati Uniti u issa qed tinfirex fl-Ewropa. Permezz tagħha anke f’Malta ser ikun servizz ta’ informazzjoni għal pubbliku dwar tfal irrappurtati nieqsa.

Malta adottat l-Amber Alert, sistema li tinforma lill-pubbliku dwar tfal irrappurtati nieqsa fil-pajjiżi Ewropej u li ħafna drabi jkunu f’riskju anke għal ħajjithom.

Is-Supretendent Dennis Theuma mill-iskwadra tal-pulizija kontra l-vizzji qal li bl-Amber Alert, il-pubbliku se jkun infurmat bit-tfal li jkun rrappurtati nieqsa biex ikun jista’ jgħin biex dawn jinstabu.

“Nibagħtu immedjatament messaġġ li jikkonsisti fid-dettalji tal-persuna, kull dettall li jista’ jkun ta’ għajnuna u per eżempju fuq l-iscrees tal-Malta International Airport jitla’ wiċċ dan it-tifel jew tifla,” qal is-Supretendent Dennis Theuma.
Is-Supretendent Theuma qal li l-Amber Alert se tkun qed tintuża wkoll f’każi partikolari, bħal persuni b’diżabbiltajiet jew problemi fiżiċi. Huwa żied jgħid li kull każ se jkun indirzzat b’mod individwali. Il-Public Broadcasting Services issieheb f’din l-inizjattiva.

“Se nkunu qed nagħtu appoġġ permezz tax-xandiriet televiżivi, permezz tal-aħbarijiet, permezz tal-website, facebook page, u nibagħtu l-informazzjoni fuq iċ-ċellulari tal-individwi li jkunu rreġistraw għall-amber alert.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li fil-pajjiżi €wropej, 250,000 tifel u tifla jiġu rrappurtati nieqsa kull sena. Huwa qal li c-ċans li minuri jinstabu ħajjin jonqos aktar ma jgħaddi l-ħin. Huwa qal li s-sehem tal-pulizija Maltija f’din l-inizjattiva hija turija ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi Ewropej imsieħba fil-proġett.