Lokali

Mara tmut fuq il-post wara ħabta fir-Rabat

Anzjana ta’ 78 sena mir-Rabat Malta tilfet ħajjitha wara li l-karozza li kienet passiġġiera fiha ħabtet ma’ vettura pparkjata.

Il-pulizija qalet lil tvm.com.mt li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30 ta’ waranofsinhar fi Triq Bieb ir-Ruwa, bejn ir-Rabat u l-Baħrija.

Karozza tat-tip Toyota Corolla kienet qed tinstaq minn bintha ta’ 56 sena mir-Rabat meta għal xi raġuni ħabtet ma’ Land Rover li kien ipparkjat. L-anzjana kienet passiġġiera fit-Toyota.

Ambulanza marret fuq il-post, iżda sfortunatament l-anzjana kienet iċċertifikata mejta fuq il-post. F’dan l-istadju mhix magħrufa l-kundizzjoni tax-xufier, li ttieħdet l-isptar Mater Dei għax-xokk.

Fil-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Aron Bugeja.