Lokali

Mat-€252,000 għal 12-il NGO li qed iwettqu proġetti biex inaqqsu l-faqar fid-dinja

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella qassam ‘il fuq minn kwart ta’ miljun ewro lil għaqdiet mhux governattivi li għandhom proġetti biex jgħinu lill-fqar fl-Afrika, fl-Asja, u fl-Amerika t’Isfel.

12-il għaqda mhux governattiva magħrufa għall-ħidma tagħhom f’pajjiżi tat-tielet dinja, ingħataw bejniethom minn ‘il fuq minn kwart ta’ miljun ewro biex isaħħu l-ħidma tagħhom qalb komunitajiet vulnerabbli fl-Afrika, fl-Asja, u fl-Amerika ta’ isfel. Il-Ministru għall-Affarijiet barranin George Vella qal li l-għajnuna tingħata hekk kif il-Gvern jirrikonoxxi l-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Dr Vella qal li Malta li bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qed taħdem sabiex tilħaq ftehim dwar biex l-miri tal-Unjoni Ewropea fl-għajnuna għall-Iżvilupp, ikunu konformi mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Fost l-għaqdiet li bbenfikaw mill-fondi hemm il-fondazzjoni Faces li għaddejja bi proġett fit-Tanzanija.

Għaqda oħra li bbenefikat mill-fondi hija Signum Fidei li għaddejja b’xogħol mal-fqar tal-Kongo.

Fost l-għaqdiet li ngħataw il-fondi għall-proġetti li qed iwettqu qalb komunitajiet fqar fid-dinja hemm l-SOS Malta li għandha programm fl-Uganda, Mission Fund bi proġett għal tfal u nisa abbużati fil-Kenya, u l-Fondazzjoni Guate Malta li għandha proġett mediku qalb il-fqar fil-Gwatemala.