Lokali

Mater Dei jiċħad li ntbagħtu d-dar pazjenti bl-influwenza li kellhom bżonn aktar kura

L-isptar Mater Dei ċaħad kategorikament li kien hemm xi direzzjoni mill-amministrazzjoni, li pazjenti bl-influwenza li jkun għad fadlilhom bżonn kura akuta, jintbagħtu d-dar. Dan b’reazzjoni għal dawk li l-isptar sejjaħ stejjer bla ebda bażi li ġew ippubblikati fil-gazzetta n-Nazzjon.

L-amministrazzjoni tal-isptar qalet fi stqarrija li s-saħħa ta’ kull pazjent hija ta’ importanza massima u kull ħaddiem fl-isptar, minn professur sa carer, jaħdmu ta’ kuljum biex jassiguraw li kull pazjent jingħata l-aqwa kura possibbli. Intqal li bħalissa, kif jiġri ta’ kull sena, fl-isptar ikun hemm influss akbar ta’ pazjenti, kemm minħabba l-influwenza u anki l-kesħa li qed tagħmel. Madankollu ntqal li f’ebda ħin ma ttieħdet xi deċiżjoni kif ġie allegat fil-gazzetta, u li l-pubbliku Malti jista’ jserraħ rasu li deċiżjoni dwar jekk pazjent jintbagħatx id-dar jew le hija deċiżjoni klinika li tittieħed mit-tobba u ħadd aktar.

L-amministrazzjoni tal-isptar temmet tgħid li huwa inaċċettabbli li f’mument delikat għall-isptar Mater Dei, ħaddiema ta’ dan l-isptar tiżdidilhom il-pressjoni bi stejjer fittizji li jallarmaw lill-poplu bla bżonn.