Barranin

May se tiskatta Artiklu 50 u tibda n-negozjati mal-UE l-ġimgħa d-dieħla

Disa’ xhur wara li l-poplu tar-Renju Unit ivvota b’ 51.9% favur Brexit f’referendum, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May ħabbret li se tkun qed tiskatta Artiklu 50 u tinnotifika b’mod uffiċjali lill-Unjoni Ewropea, bil-ħruġ tar-Renju Unit nhar il-Erbgħa 29 ta’ Marzu. Hija mistennija tagħmel dan permezz ta’ ittra li se tibgħat lis-27 pajjiż membru, fejn se titlob li jibdew in-negozjati kemm jista’ jkun malajr. Jekk kollox jimxi skont il-pjan uffiċjali mħejji mir-Renju Unit, il-proċess ta’ Brexit għandu jkun iffinalizzat sa Marzu 2019.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qal li se jkun qed jippreżenta l-linji gwida għan-negozjar dwar Brexit, lis-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea fi żmien 48 siegħa mill-mument li fih ir-Renju Unit jiskatta uffiċjalment il-proċess tal-ħruġ.