Lokalimalta

Missier mhux ħati li abbuża sesswalment lil bintu ta’ 3 snin 11-il sena ilu

Missier li ismu ma jistax jixxandar ma nstabx ħati li ftit anqas minn 11-il sena ilu abbuża sesswalment minn bintu li dak iż-żmien kellha tliet snin. Dan wara li l-qorti qieset li l-bint m’għamlet l-ebda allegazzjoni ċara u diretta fil-konfront ta’ missierha waqt li d-dikjarazzjonijiet tiegħu kienu dejjem konsistenti.

Il-missier tressaq l-qorti ta’ Għawdex f’Settembru ta’ 11-il sena ilu mixli li kkorrompa lit-tifla b’għemil żieni u li żammha kontra r-rieda tagħha biex tagħmel jew toqgħod għal xi ħaġa li toffendi l-mistħija tas-sess tagħha. Il-każ għadda f’idejn il-Maġistrat Joe Mifsud f’Ġunju ta’ sentejn ilu.

Fil-Qorti ngħad li l-każ seħħ f’Marzu tal-2006 meta t-tifla kienet weħidha ma’ missierha u fiż-żmien li l-ġenituri kienu għaddejjin minn proċeduri ta’ separazzjoni.
Il-missier tressaq il-Qorti fil-5 ta’ Ġunju tal-2007 bit-tifla tixhed meta kellha erba’ snin permezz ta’ video conferencing.

“Għaxar snin imċaħħad minn bintu”

Il-missier sostna li l-kawża kienet biss pjan minn martu u familtha biex iċaħħduh minn bintu għal għomru. Sostna li ilu għaxar snin imċaħadd minn bintu, nuqqas ta’ missierha fl-iżjed żmien importanti ta’ ħajjitha. F’dan il-każ xehdu xejn anqas minn 25 xhud.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud irrimarka li l-proċedura li mexxiet biha l-prosekuzzjoni kienet legalment skorretta għax fost oħrajn ma ħallietx lid-difiża tal-missier tagħmel kontro-eżami tal-bint. Żied jingħad li dan qatt ma seta’ jsir ukoll għax il-bint u l-omm telqu minn Malta.

Fix-xhieda tagħha, it-tifla esprimiet ruħha dwar l-allegat abbuż billi pinġiet il-parti privata ta’ missierha u tirreferi għaliha bħala l-“pink nail”. Parti oħra mit-tpinija tirreferi għaliha bħala ‘ripped underwear. A Scissors’. Meta mistoqsija dwar dan, hija tgħid li dawn intużaw minn missierha u li dak li għamel bil-‘pink nail’ kien ‘very naughty’. Hija tirreferi għal azzjoni bħala li ‘Daddy was playing a doctor game’ u li din il-logħba mhix ta’ pjaċir aktar tant li tgħid li hija ‘silly’ u li dejqitha għax tgħid li ‘it really really, really bothered me’.

Il-Qorti f’sentenza ta’ 112-il paġna qalet li l-espert legali li tqabbdet f’dan il-każ ma kinitx tafx x’tgħid il-liġi fir-rigward ta’ x’inhu rijkest biex xhud ta’ età tenera jissodisfa lill-Qorti li huwa kompetenti biex jixhed.
Il-Qorti qalet li għandha dubju dwar ix-xhieda tal-bint. Tirrimarka kif meta ntweriet stampa u qalet li dan kien ‘ripped underwear’ u ‘scissors’, fil-qorti ma nġiebet ebda prova li kien hemm xi ‘ripped underwear’ jew xi ‘underwear’ nieqes u lanqas jekk kinitx qed tirreferi għall-‘underwear’ tagħha.

Irrimarkat ukoll li meta mistoqsija fejn rat il-‘pink nail’, it-tifla qalet li ma tafx iżda qalet li huwa tad-daddy. Il-Qorti fakkret li din hi awla tal-provi u għalhekk ma setgħetx toqgħod fuq l-insinwazzjonijiet tal-prosekuzzjoni. Sostniet li ma kien hemm ebda prova ta’ x’inhu dan il-‘pink nail’.

Il-Qorti wara li fliet l-atti kollha ta’ dan il-każ ma sabet l-ebda prova li l-missier kien abbuża minn bintu u lliberatu minn kull akkuża.

Il-cassette bix-xhieda tat-tifla jitħassar biex jerġa’ jintuża

Intant il-Maġistrat Mifsud kellu kliem iebes għall-mod kif kienet tinżamm ix-xhieda. Qal li meta talab għal koppja tal-audiovisual recording ta’ meta xehdet il-bint f’April tal-2008, dan ma ġiex pprovdut lilu għax l-apparat li kellhom ma kellux il-faċilità li jirrekordja u kien jipprovdi biss trasmissjoni live bejn is-sigrieta u l-awla. Dwar l-audio tape ingħad li dan tħassar ukoll għax f’dak iż-żmien kien jitħassru wara sentejn biex jerġgħu jintużaw għal aktar minn darba.

Il-Maġistrat Mifsud qal li l-Qorti ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta għax f’dan il-każ ix-xhieda tat-tifla kienet importanti ħafna u l-audio tape kellu jkun issiġillat u ppriservat fl-atti u mhux jitħassar biex il-casette jintuża għal kawza oħra.

Huwa rrimarka li f’dawn l-aħħar snin, bdiet prassi tajba li investigazzjonijiet bħal f’dan il-każ isiru taħt il-kappa ta’ inkjesta maġisterjali.