Lokali

In-namra ma’ strument li naqqas fil-popolarità

L-accordion, strument mużikali sempliċi li jinġarr bħal kaxxa kapaċi joħloq ħsejjes mill-isbaħ u jaf ikun akkumpanjament għal għanijiet popolari u tradizzjonali. Jinstab f’bosta pajjiżi mill-Amerika Latina sal-Ewropa. F’Malta kien popolari ħafna iżda il-popolarità tiegħu tidher li majnat. Madankollu l-ewwel festival tal-accordion li sar f’dawn il-jiem kellu konkorenza tajba.

Fis-sala ċkejkna tal-parroċċa ta’ Fatima f’tal-Pietà, għadd kbir ta’ nies kellhom kurżità kbira għall-ewwel festival tal-accordion f’Malta. L-accordion li għal xi żmien kien popolari ħafna, naqqas il-popolarità tiegħu iżda xorta l-festival qajjem interess fost aktar minn 30 ruħ li għandhom namra kbira għad-daqq ta’ dan l-istrument, saħansitra tifla ta’ ħames snin li kapaċi jddoqq dan l-istrument bis-swaba’ ċkejknin tagħha.

Philippe Agius flimkien mas-Surmast Marthese Busuttil Cassar, ħolmu li jibdew f’Malta kunċerti u festivals bl-accordion biex iqajmu interess għal dan l-istrument interessanti li jaħdem bl-arja.

Philippe Agius qal, “Dejjem kont nieħu gost indoqqu l-accordion, speċjalment fil-Christmas.”

Intant Marthese Busuttil Cassar qalet, “Accordion strument sabiħ, tista’ ġġorru kullimkien. F’kull post morna ta’ Malta, sptarijiet…”

Fil-festival ħadu sehem nies b’esperjenza li ilhom snin twal idoqqu dan l-istrument, fosthom Cleve Zammit li qalilna, “Għandek ċertu challenge, mort għall-accordion.”

“Il-papa tiegħi kien idoqq. Dan huwa accordion differenti, b’testiera bil-buttuni,” qal Andrew Micallef.

Iltqajna wkoll mas-Sindku ta’ Ħal Lija, Magda Magri Naudi, li wkoll bdiet tinnamara mal-mużika melodjuża li kapaċi joħloq l-accordion.

“Ili tlett snin u pperswadewni nieħu parti allavolja neċita ruħi,” qalet is-Sindku.

Waqt il-kunċert f’Tal-Pietà, għadd ta’ nies li kienu għaddejjin mit-triq, daħlu jisimgħu wara li qanqlithom il-kurżità bil-ħoss interessanti li nħoloq bl-accordian u għadd ta’ strumenti oħra.