Lokali

Negozjant Ingliż isib f’Malta niċċa ta’ investiment u jagħmilha daru

Negozjant sinjur Inġliż li baqa’ ħaj wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru fi New York u li għandu negozji ta’ lussu fl-Asja, ilu għal dawn l-aħħar 4 snin jgħix Malta għax qal li hawnhekk sab id-dar naturali tiegħu. Mark Weingard li f’Malta llum għandu għadd ta’ investimenti tkellem ma’ TVM dwar kif għalih Malta hija kalamita għall-ġid u investiment barrani.

Mark Weingard huwa isem magħruf fil-qasam tan-negozju dinji, l-iktar għal akkomodazzjoni lussuża li joffri fl-Asja li tatu isem internazzjonali u f’Malta qed jagħmel investimenti kbar f’akkomodazzjonijiet ġodda, u fil-qasam tal-gastronomija. Mark huwa Ingliż, illum għandu 51 sena, u għex f’diversi pajjiżi madwar l-Ewropa. Qalilna li wara l-esperjenzi koroh li għadda minnhom fejn ħelisha mill-attakki tal-11 ta’ Settembru fi New York, attakk terroristiku f’Bali fl-2002 fejn mititlu l-għarusa tiegħu, u anki t-tsunami fit-Tajlandja fl-2004, kien qed ifittex post speċjali, u dan il-post kien Malta.

Is-Sur Weingard qal, “Back in 2012 I was thinking, where am I going to live next and I came to this island and I said wow… small, beautiful, weather, fantastic place and decided to give it a go in Malta.”

Ferita f’ħajtu hija meta saru l-attakki terroristiċi f’Bali fejn tilef lill-għarusa tiegħu Anika Linden, u minn hemm iddeċieda li man-negozju jwettaq proġetti ta’ ġid. Fl-Indoneżja fetaħ ċentru bl-isem tas-sieħba tiegħu li bihom jgħin ħafna nies vulnerabbli u dwar dan deher anki f’reality show popolari ħafna The Kardashians li jidher fl-Istati Uniti madwar id-dinja. Mark qalilna li filwaqt li s-suċċess fin-negozju jtih sodisfazzjon, jiddedika ħin fuq proġetti li jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies għax il-flus mhumiex kollox.

Huwa sostna, “Life is not about how much money you’ll have in the bank because when you die that number goes back to zero, so it’s very important li while we’re here we make a difference.”

Il-passjoni li għandu għal Malta Mark hija kbira, u minbarra d-diversi proġetti ta’ negozju, għandu diversi proġetti li bihom irid jgħin lill-komunità, fosthom fil-Belt Valletta fejn jgħix hu stess. Mark qal li mill-mewt ħelisha diversi drabi u kull ġurnata hija rigal u għalhekk kull ġuranta irid fiha jaħdem imma irid ikun ċert li jkun qed jagħmel il-ġid lin-nies ta’ madwaru.