Lokali

Opportunità ġdida għal min irid jiftaħ negozju

Il-gvern firex it-tapit għal proġetti innovattivi li jridu jibdew xi attività kummerċjali f’Malta. F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja tħabbru d-dettalji tal-iskema li tħabbret fil-baġit magħrufa bħala Seed Investment Scheme li kif jindika isimha hija ż-żerriegħa għal investiment ġdid fil-pajjiż.

Is-Seed Investment Scheme hija intiża li tgħin imprendituri prospettivi jiksbu l-finanzjament meħtieġ biex jibdew l-intrapriża tagħhom b’għajnuna għall-ideat innovattivi tagħhom kemm mis-settur finanzjarju u anke mill-gvern.

Fit-tnedija tal-iskema, iċ-Chairman tal-MIMCOL Adrian Said qal li din tfasslet wara riċerka. Huwa qal li din tiftaħ l-opportunità għal kumpaniji ġodda fl-oqsma tal-finanzi, it-teknoloġija u fis-settur diġitali.

Adrian Said qal hekk: “L-istart-ups se jkunu qed jagħtu preżentazzjoni tal-business tagħhom u x’qed joffru biex l-investitur ikun jista’ janalizza din il-business plan u jieħu deċiżjoni ta’ investiment u jqabbilha mat-tip ta’ riskju li jrid jieħu.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIMCOL, Stanley Mifsud qal li negozji ġodda jistgħu jingħataw finanzjament ta’ €750,000. Il-gvern alloka €5 miljun għal din l-iskema. Il-Ministru Chris Cardona qal li din mistennija tagħti spinta oħra lill-ekonomija Maltija.

Chris Cardona stqarr li din se tagħmel differenza kbira ħafna għall-kumpaniji li jkunu se jibdew il-ħajja tagħhom. “Kultant se nitkellmu fuq ammonti ta’ mhux inqas minn kwart ta’ miljun ewro, li jibbenefikaw minnhom dawn il-kumpaniji u se jkunu jistgħu jinvestu f’iktar innovazzjoni, iktar riċerka u iktar viżibbiltà internazzjonali.”

Il-Ministru Edward Scicluna qal li s-seed investiment scheme ser tindirizza d-diffikultà ta’ meta l-banek iżommu lura milli jisilfu għal proġetti ġodda. Għalhekk il-gvern ser jagħti rifużjoni mit-taxxa sa €250,000 lill-investituri li jgħin fit-twaqqif ta’ dawn il-kumpaniji ġodda.

Il-Ministru tal-Finanzi qal hekk: “Jieħu share fin-negozju li jemmen fih, speċjalment ikunu żgħażagħ ikunu qed jibdew, jagħmel il-profitt u jkun liable għat-taxxa, allura nagħtuh eżenzjoni hemm, u meta jbiegħ ix-shares tiegħu wara tliet snin jiġi eżentat ukoll mill-capital gains.”

Rappreżentanti ta’ kumpaniji tas-servizzi finanzjarji, li kellhom reazzjoni pożittiva għall-iskema, jinkludu lil Valery Bollier, Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija Franċiża, li qal hekk: “One of the only missing piece was the fact that it is difficult for young start ups to be able to find money so this is a great promise for Malta.”

Prof Alfred Vella, Rettur tal-Università stqarr li din tagħmel iktar faċli biex l-ideat tal-istudenti u forsi anke staff isiru realtajiet kummerċjali.

Patrick Young, Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija Pollakka, qal hekk:”.For investors it’s a great opportunity to learn the art of investing in start ups and find a way in which you can help really make the Maltese economy even more dynamic from the bottom up.”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-iskema tas-Seed Investment għandha tkun kumplimentari għar-rwol tal-banek, li qal għandhom jagħtu kontribut ikbar lill-ekonomija. Qal li din il-miżura hija fost numru ta’ inizjattivi oħrajn li l-Gvern qed jimplimenta sabiex iżomm it-tkabbir ekonomiku fil-livell ta’ bejn 4 u 5%.