Lokali

Pittura ta’ Malta mislufa għal wirja prestiġjuża fil-Louvre

Il-pittura ‘Judith and Holofernes’, li tifforma parti mill-kollezzjoni nazzjonali, se tiġi mislufa biex tkun esebita fil-Mużew ta’ Louvre f’Pariġi.

Heritage Malta qalet li l-pittura ta’ Malta se tkun parti mill-wirja, Valentin de Buologne: Beyond Caravaggio. Din il-wirja qed tittella’ biex tikkommemora lill-artist Franċiż de Buologne li kien segwaċi ta’ Caravaggio u kien ukoll wieħed mill-aqwa artisti tas-seklu 17 fl-Ewropa.

Wara l-mewt ta’ Caravaggio, de Buologne kien fost l-ikar artisti oriġinali tal-pitturi naturalisti ġodda.

Heritage Malta qalet li s-self ta’ din il-pittura mill-kollezzjoni tagħha huwa wieħed eċċezzjonali, u inċidentalment din il-pittura kienet mislufa wkoll fl-aħħar wirja ddedikata lil artisti Franċiżi segwaċi ta’ Caravaggio, fosthom Valentin de Buologne. Din il-wirja kienet saret fl-Akkademja Franċiża ta’ Ruma u fil-Palazz il-Kbir f’Pariġi fl-1973.