Lokali

Aġġornat: Malta se tiftaħ ambaxxata fit-Turkija

L-ewwel żjara uffiċjali fl-istorja minn Prim Ministru tat-Turkija f’Malta laqqgħet lil Binali Yildirim mal-Prim Ministru Joseph Muscat  Wara d-daqq tal-innijiet nazzjonali fi pjazza kastilja, iż-żewġ Prim Ministri spezzjonaw il-gwardja tal-unur u minnufih taw bidu għal taħdidiet uffiċjali fl-UIfficju tal-Prim Ministru

Dr Muscat qal li Malta se tkompli taħdem għal tisħiħ fir-relazzjonijiet mat-Turkija u semma li fl-aħħar snin kien hemm żieda qawwija f’investiment Tork f’Malta speċjalment fil-Freeport u l-Valletta Cruise Terminal.  Il-Prim Ministru ħabbar il-ftuħ ta’ Ambaxxata Maltija fit-Turkija fejn s’issa Malta hi rappreżentata b’Konsulat Ġenerali f’Istanbul. Dr Muscat qal li Malta tappoġġja lill-Gvern Tork għax huwa elett demokratikament u flimkien mal-Unjoni Ewropea jopponi kwalunkwe tfixkel fil-libertà tal-espressjoni.

Il-Prim Ministru indika li tul il-Presidenza ta’ Malta ser tkompli l-ħidma fuq ir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea.

“That can also tackle the issue of visa liberalization also the commitments that were done by both sides when it comes to the migration deal and also the more technical, but in my opinion the very important issue of the customs union.  I think that is where the good news lies, that is where the potential lies, that is where the agreements already exist and we have to make sure that this agreement is not clogged into the Brussels machinery, but that really and truly it comes into effect”, qal il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru Tork nnota l-appoġġ ta’ Malta fit-triq għas-sħubija ta’ pajjiżu fl-Unjoni Ewropea u wera t-tama li din tissokta tul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea partikularment f’oqsma ta’ sigurta, fil-glieda kontra t-terrorizmu u l-immigrazzjoni illegali.

Mistoqsi dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż mill-Gvern Tork kontra ġurnalisti u dawk li jesprimu ruħhom kontra l-Gvern, il-Prim Ministru Tork allega li hemm ġurnalisti li qed jużaw il-pożizzjoni tagħhom biex jikkollaboraw mat-terroristi u sostna li l-Gvern Tork m’huwiex kontra l-libertà tal-espressjoni.

Wara taħditiet f’Kastilja, il-Ministri Chris Fearne u Michael Farrugia ffirmaw separatament ftehim fil-prinċipju għall-koperazzjoni fil-qasam tas-saħħa u l-affarijiet soċjali mal-Ministri Torok li akkumpanjaw lill-Prim Ministru Tork f’Malta.

Il-Prim Ministru Tork kellu wkoll taħditiet mal-President Marie-Louise Coleiro Preca, li qalet li hemm skop għal aktar tisħiħ fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi f’oqsma bħall-edukazzjoni, it-turiżmu u l-kummerċ.  Il-President faħħret lit-Turkija għall-eżempju umanitarju li qiegħda tagħti bil-mod kif qed tgħin lir-refuġjati, bil-Prim Minsitru Tork jgħid li hi responsabilità ta’ pajjiżu li jipprovdi għajnuna umanitarja lit-tliet miljun refuġjat li waslu minn pajjiżi ġirien.