Lokali

Aġġornat: Ir-raġel misjub mejjet seta’ rriversja bi żball u spiċċa fil-baħar

Ir-raġel ta’ madwar 36 sena li nstab mejjet f’karozza lbieraħ waranofsinhar huwa John Zahra minn Birżebbuġa. Huwa nstab fl-inħawi magħruf bħala ‘l-Magħluq’ f’Marsaxlokk. tvm.com.mt jinsab infurmat li l-ewwel stħarriġ tal-pulizija jindika li Zahra seta’ rriversja bi żball u spiċċa fil-baħar.

L-aħħar li deher dan ir-raġel kien jumejn ilu waqt il-festa ta’ San Girgor, meta kien qed jixrob ma’ sħabu. Jirriżulta li filgħaxija ma marx id-dar u kien irrapportat nieqes mill-qraba tiegħu. Minn dakinhar bdiet tfittxija għalih, fejn kien biss illum waranofsinhar li ġiet innotata l-karozza fil-baħar bir-raġel mgħarraq fiha. Kollox jindika li dan kien inċident sfortunat.

Il-Pulizija qalet fi stqarrija li l-karozza ntlemħet għall-ħabta tas-2.00 p.m., bil-Pulizija taħdem mal-bugħaddasa tal-Forzi Armati ta’ Malta biex tittella’ l-karozza Toyota Landcruiser mill-baħar. Il-vettura ttellgħat mill-baħar permezz ta’ krejn li nġieb fuq il-post u għadha qiegħda tinżamm sabiex isiru aktar investigazzjonijiet. Min-naħa l-oħra l-katavru tar-raġel ittieħed fil-kamra mortwarja tal-isptar Mater Dei.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Grezzio Mercieca li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin sabiex tiġi stabbilità d-dinamika tal-każ.