Lokali

FILMAT: żagħżugħ ta’ 20 sena jindarab wara li baqa’ dieħel f’siġra fil-Floriana

Żagħżugħ ta’ 20 sena mill-Mosta ndarab f’inċident tat-traffiku li seħħ tard illejla ħdejn Bieb il-Bombi fil-Floriana. Tvm.com.mt jinsab informat li l-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja fi Triq Nazzjonali meta għal xi raġuni s-sewwieq tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’siġra wara li baqa’ tiegħla fuq il-bankina. Huwa kien qed isuq fid-direzzjoni mill-Ħamrun lejn il-Belt Valletta. Fuq il-post kellhom jissejħu ħaddiema mid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili li ħadu aktar minn tliet kwarti biex ħarġu lill-vittma mill-karozza minħabba l-ġrieħi li ġarrab. Tfajla ta’ 20 sena mill-Mosta, li kienet passiġġiera fl-istess karozza ħelsitha ħafif iżda qed issofri minn qatgħa kbira. Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei li ħadu liż-żewġ persuni l-isptar.  Il-kundizzjoni tas-sewwieq għadha mhix magħrufa. Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.