Lokali

Filmat: Raġel nieqes mid-dawl jitlef ħajtu wara li waqa’ ħames filati minn fuq ċint fil-Qawra

Dennis Monaghan Reid, turist Ingliż ta’ 58 sena, l-Erbgħa filgħodu tilef ħajtu b’mod mill-aktar sfortunat wara li waqa’ għoli ta’ ħames filati.

L-Ingliż li huwa nieqes mid-dawl kien miexi fuq il-banikina bil-bastun l-abjad, meta spiċċa taħt il-livell tat-triq bejn il-bankina u sottoterran ta’ uffiċċju li jagħmel parti mil-Lukanda Palm Court li illum hija magħluqa, hekk kif m’hemm ebda ilqugħ biex ikun evitat il-periklu li jeżisti.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.30 ta’ filgħodu fi Triq ir-Rizzi kantuniera ma’ Triq it-Tamar. Reid kien għadu kemm ħareġ minn lukanda fil-viċin fejn kien qed joqgħod biex jimxi ftit. Sfortunatament, x’ħin wasal fil-kantuniera, l-Ingliż ma ndunax bil-vojt li kien hemm u waqa’ għoli ta’ madwar metru u nofs. Huwa ħabat rasu ma’ xi knatan u miet fuq il-post.

Għalkemm issejħet ambulanza, kien għal xejn. Fil-post instab il-bastun mal-art li kien juża’ l-vittma.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.