Lokali

Se jitħawlu eluf ta’ siġar f’ħames siti fuq art pubblika

Ħames siti fejn hemm artijiet tal-gvern ġew identifikati għal programm ta’ tħawwil ta’ siġar bħala parti mill-pjan tal-gvern ta’ afforestazzjoni f’diversi inħawi tal-pajjiż.

Il-Minsitru responsabbli mill-Ambjent, Josè Herrera, ħabbar din l-inizjattiva waqt attività għall-istudenti f’Lyster Barracks tal-Forzi Armati f’Ħal Far fejn għadhom kif tħawwlu mijiet ta’ siġar.

Il-Wied Santa Katerina f’Burmarrad u Wied Blandun f’Bormla, u tliet bnadi oħra f’Baħar iċ-Ċagħaq u fis-Swatar ġew identifikati biex fihom isir tħawwil tas-siġar bħala parti mill-pjan nazzjonali dwar l-afforestazzjoni f’Malta.

Il-Ministru għall-Ambjent, Josè Herrera qal li dawn huma kollha artijiet tal-Gvern u fihom se jitħawlu siġar indiġini Maltin. “Ma jfissirx li se nagħmlu dawn il-ħames siti biss, għandna siti oħrajna anki akbar, però għadna qed nagħmlu l-analiżi tagħna ħa naraw jekk hemmx terzi li għandhom xi interessi fuqu dan it-territorju u naraw jekk nistgħux imexxu ‘l quddiem.”

Dr Herrera qal li l-ħames siti magħżula jvarjaw minn erba’ jew ħames tomniet sa oħrajn ta’ aktar minn 25 tomna.

Huwa kien qed jitkellem fil-Lyster Barracks fejn għadhom kif tħawwlu mal-400 siġra u mija oħra tħawwlu fil-barracks ta’ Ħal Safi. 330 minnhom huma siġar taċ-ċipress u 70 oħra huma tal-arżnu (pine). Dawn is-siġar ingħataw mill-kumpanija Simply Holdings Limited li tat 500 siġra oħra biex jitħawwlu f’Għawdex.

Dr Herrera qal li l-gvern għaddej bi programm ta’ xogħlijiet f’ġonna pubbliċi, fosthom fil-Buskett, fil-Ġnien l-Għarusa, Ġnien Mintoff u fl-Argotti, fejn se ssir espansjoni tal-Ġnien Botaniku.