Lokali

Se jitwaħħlu barrikati fejn Bieb il-Bombi biex jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti

Transport Malta avżat li se tkun qed twaħħal barrikati fis-central strip ta’ Triq Nazzjonali, il-Furjana biex tħeġġeġ lin-nies jużaw il-passaġġ taħt it-triq biex jaqsmu. Fi stqarrija Transport Malta qalet li minkejja l-passaġġ mibni apposta, bosta jagħżlu li jaqsmu numru ta’ korsiji b’mod perikoluż. Qalet li x-xogħlijiet biex jitwaħħlu l-barrikati se jibdew illejla u se jkomplu matul il-ġimgħa, bejn it-8.00 ta’ filgħaxija u t-3.00 ta’ filgħodu ta’ kull lejl. Dan bil-għan li jitnaqqas l-inkonvenjent. Qalet iżda li t-triq mhix se tingħalaq.

Transport Malta qalet li dan l-intervent huwa maħsub biex inaqqas ir-riskju ta’ inċidenti f’waħda mill-aktar toroq traffikużi f’Malta. Sostniet li uffiċjali mill-Ministeru qegħdin inaddfu l-passaġġ kuljum u l-Ministeru waħħal kameras tas-sigurtà biex itejjeb is-sigurtà għal dawk li jużawh. Ħeġġet lis-sewwieqa biex joqogħdu attenti, iżommu mas-sinjali tat-traffiku u l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali fuq is-sit għas-sigurtà tal-ħaddiema.