Lokalimalta

Sfida lit-tfal biex jaqraw 5 kotba matul is-sajf

Għat-tielet sena infila, il-kampanja “Aqra fis-Sajf” se twassal fost it-tfal u ż-żgħażagħ fil-lokalitajiet attivitajiet maħsuba biex jinkoraġġixxu l-qari sa minn età bikrija. Biex il-kampanja tkun suċċess, l-istudenti jrid ikollhom il-kotba f’idejhom u għalhekk saru l-arranġamenti biex fis-sajf xi libreriji pubbliċi u tal-iskejjel iżidu l-ħinijiet tal-ftuħ.

Studju li sar is-sena l-oħra wera li kwart tat-tfal Maltin għandhom bżonn assistenza biex jaqraw bil-Malti, filwaqt li 35 fil-mija jeħtieġu l-għajnuna biex jaqraw bl-Ingliż. Il-koordinatur tal-kampanja Aqra fis-Sajf , Daniel Cini, qal li r-riċerka turi li l-istudenti li jieħdu gost jaqraw imorru aħjar fl-iskola. Żied li studenti li ma jaqrawx jitilfu l-benefiċċju ta’ daqs xahrejn tagħlim li jkunu ħadu mill-iskola.

“Għax minħabba li gġandna sajf pjuttost twil, dawk il-ħiliet li jkunu kisbu matul is-sena, hemm iċ-ċans li jekk it-tfal ma jkomplux jaqraw… jitilfuhom”, qal il-Koordinatur tal-Kampanja Aqra fis-Sajf is-Sur Daniel Cini.

Il-Kampanja “Aqra fis-Sajf” hija organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u tikkonsisti bi programmi ta’ qari għall-gost għal tfal u żgħażagħ. L-attivitajiet qed isiru fiċ-ċentri ta’ skola sajf u fil-libreriji pubbliċi f’Malta u Għawdex.

Waqt li żar l-attività fil-Librerija ta’ Belt is-Sebħ, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħeġġeġ lit-tfal u l-ġenituri tagħhom biex il-qari ma jkunx ikkunsidrat bħala parti mill-edukazzjoni formali iżda wkoll bhala attività pjaċevoli. Huwa qal li l-kompetizzjoni “Kemm Qrajt fis-Sajf” hija sfida li tħeġġeġ lit-tfal biex jaqraw mill-inqas ħames kotba u awgura li s-sehem tat-tfal ikun qed iwitti t-triq għal ġejjieni b’ġenerazzjonijiet li jħobbu l-qari.