Barranin

Is-suspettat ipprova jagħmel kemxa flus tajba mill-attakk fuq Borussia Dortmund

Il-Pulizija Ġermaniża arrestat raġel issuspettat li għamel il-bomba fuq ix-xarabank tal-Borussia Dortmund. Il-Prosekuturi qalu li kollox jindika li l-attakk twettaq għax is-suspettat kien qed jittama li jagħmel profitt jekk jitbaxxa l-prezz tal-ishma tat-team. Qalu li għalhekk ma jidhirx li kien hemm rabtiet ma’ terroriżmu Iżlamist f’dan l-attakk.

Fl-isplużjoni li seħħet it-Tlieta ndarbu l-plejer Spanjol Marc Bartra u uffiċjal tal-Pulizija. Dan hekk kif it-team kien se jagħmel triqtu lejn l-istadium biex jilgħab f’partita taċ-Champions League.

Il-Prosekuturi qal li s-suspettat kien se jbigħ mal-15,000 ishma bi prezz li kien determinat minn qabel, u għalhekk kieku waqa’ l-prezz tagħhom bil-bomba kien se jagħmel kemxa flus ġmielha.

Is-suspettat arrestat huwa raġel ta’ 28 sena b’ċittadinanza doppja, Ġermaniża u Russa. Huwa qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil, li għamel splużjoni u li kkawża ġrieħi serji lil terzi persuni.