Lokali

Tfal mill-Primarja ta’ Bormla l-ewwel li ‘skurjaw’

Studenti tar-raba’ sena mill-Iskola Primarja ta’ Bormla kienu l-ewwel grupp li rnexxielhom itemmu b’suċċess il-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’.

Il-programm ta’ futbol u litteriżmu kien imfassal għal studenti li qegħdin fir-raba’ u l-ħames sena tal-iskejjel primarji tal-istat, li ngħataw l-opportunità jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ qari u kitba relatati mal-futbol.

L-għan tal-programm huwa li permezz tal-passjoni u l-entużjażmu li t-tfal ikollhom għall-futbol, jitħajru jaqraw aktar u jesprimu ruħhom bil-kitba. B’mod partikolari, il-programm huwa maħsub għal subien li ma tantx iħobbu jaqraw u jiktbu bil-Malti u bl-Ingliż.

It-tfal li ħadu sehem fil-proġett pilota stqarrew li l-programm ħajjarhom jinnamraw mal-qari u ma jiddejqux jiktbu ħsibijiethom. Wieħed mis-subien kiteb bit-tablet tiegħu fuq il-paġna diġitali tal-programm: ‘‘Grazzi għal Ms Sarah u Mr Saviour, bdejt naqra. B’dak li għamiltu miegħi, irnexxielkom tikkonvinċuni.”