Lokali

Tħossha ħielsa minkejja li ilha 50 sena fil-klawsura

Nofs seklu ilu ħasset is-sejħa u f’Ottubru li ġej Sister Rose Therese Ellis tagħlaq 50 sena li tat ħajjitha lil Alla bħala soru tal-klawsura fil-kongregazzjoni tal-Klarissi.

B’nostalġija, Sister Rose tgħid li meta daħlet l-ewwel darba fil-kunvent, kien hemm 35 soru. Illum qegħdin 19-il soru u tħoss li dan in-nuqqas huwa minħabba t-triq sekulari li qabad il-pajjiż tul is-snin.

Madankollu, hi għandha fiduċja kbira fil-pjani ta’ Alla għall-ġejjieni tal-kongregazzjoni.

Kif dħalna fil-kunvent tal-Klarissi f’San Ġiljan, mill-ewwel stajna nħossu l-paċi li jirrenja fil-post. Dlonk laqgħatna b’idejha miftuħin, Sister Rose Therese Ellis li għandha 69 sena. Tispikka fuq fommha tbissima partikulari.

Irrakkontat li ta’ 19-il sena ħasset is-sejħa ta’ Alla biex tidħol soru tal-klawsura.

Madre Rose Therese Ellis qalet,  Sorijiet Klarissi, “Kien proprju fix-xahar ta’ Ġunju, fix-xahar tal-Qalb ta’ Ġesù, meta kont qed nitlob quddiem inkwatru bħal dan, u ħassejtu jgħidli ‘jien tajtek qalbi, agħtini ħajtek.'”

Tgħid li qatt ma ddispjaċiha li għamlet din l-għażla u li kieku kellha terġa’ titwieled, ma tbiddel xejn.

Dawn il-50 sena ma rridx ngħid li ma jkunx hemm ups and downs għax inkella ma tkunx bniedem normali, imma kieku kelli niġbor il-50 sena niġborhom f’ferħ, barka u paċi.

Hi soru f’komunità tal-klawsura iżda qalet li fil-kunvent sabet il-milja tal-libertà u tħossha ħielsa għalkollox.

Kien hemm persuna u qaltli ‘dalwaqt terġa’ tmur tingħalaq hux għax daqt terġa’ tirritorna’. Għedtilha jien minix magħluqa, anzi hemmhekk issib fejn timraħ fl-ispazju u hemmhekk inħossni aktar fil-wesgħa.

Sister Rose tgħid li għalkemm tħobb tagħmilha man-nies, il-paċi tal-kunvent ma tbiddlu ma’ xejn. Stqarret li f’ħajjitha qatt ma kellha namrat imma xi praspura jew tnejn ma naqsux fil-kunvent.

Spjegat li għalkemm maqtugħin mis-soċjetà, il-komunità tal-Klarissi għandha l-paġna tagħha ta’ Facebook u s-sorijiet iżommu ruħhom aġġornati ma’ dak li qed jiġri billi jsegwu l-aħbarijiet. Żiedet tgħid li l-kuntatt man-nies ma jaqta’ xejn.